Lokali

Daqshekk armi tan-nar fil-Parlament Malti – Kull min jidħol se ssirlu tfitxija fuq il-persuna tiegħu

F’ittra li l-iskrivan tal-Kamra dalgħodu bagħat lill-membri Parlamentari fuq struzzjonijiet tal-iSpeaker, infurmahom li minn nhar it-Tnejn li ġej ‘l quddiem, kull min jidħol fil-Parlament se ssirlu tfitxija fuq il-persuna tiegħu.

Din l-ordni ġiet ftit jiem biss wara l-każ tal-Ministru Manuel Mallia waqt li jidher li din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Uffiċċju tal-Parlament induna li fil-bini tal-Parlament seta’ kien qed ikun hemm nies armati, inkluż drivers ta’ Ministri.

Fl-ittra l-iskrivan tal-Kamra qal li hu ġie inkarigat mis-Sedja biex jinforma lill-Membri Parlamentari li minn nhar it-Tnejn ‘l quddiem se jibdew jittieħdu numru ta’ miżuri ta’ sigurtà fl-entratura tal-Palazz sabiex jiġi assigurat li fil-binja tal-Parlament ma jidħol ħadd li jkun qed iġorr arma.

L-iskrivan qal li “għal dan il-għan fl-entratura prinċipali tal-Palazz se tiġi applikata l-istess sistema li tintuża fl-entratrura tal-Lion’s Gate, fejn il-persuni li jattendu għas-seduta jiġu frisked u jiġi ċċekkjat il-kontenut tal-basktijiet li jkollhom magħhom.”

Għaldaqstant min nhar it-Tnejn, il-ħaddiema tal-Parlament, l-impjegati u l-uffiċjali tas-sigurtà li jkunu qed jakkumpanjaw lill-Membri Parlamentari u lill-Ministri, kif ukoll il-membri tal-Media se jiġu mitluba sabiex jgħaddu mill-entratura fejn hemm il-lift fejn se jkun hemm membri tal-pulizija sabiex jagħtu dan is-servizz.

Dan se jsir biex il-bini fejn jiltaqa’ l-Parlament ikun wieħed sikur fejn Membru ma jiġi mfixkel bl-ebda mod milli jaqdi d-doveri tiegħu.