Il-ġurati daħlu jiddeliberaw fil-ġuri ta’ Jonathan Felice, li llum għandu 25 sena, u li ismu issa jista’ jissemma wara digriet tal-Qorti. Kien għall-ħabta tas-siegħa neqsin għaxra tal-lum li l-ġurati, tmien t’irġiel u tliet nisa, daħlu biex jiddeċiedu l-futur ta’ Felice, wara li l-Imħallef Michael Mallia temm l-indirizz tiegħu.
Il-ġuri li beda nhar l-Erbgħa, dwar attentat ta’ serq bi vjolenza fuq anzjana minn Ħal-Qormi f’Ġunju ta’ tmien snin ilu, issa għalhekk jinsab riesaq lejn tmiemu, wara li l-Prosekuzzjoni u d-difiża għalqu il-provi tagħhom u wara l-Imħallef Mallia spjega lill-ġurati l-punti legali tal-każ.
Felice minn Ħal-Qormi u li qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih qed jikkontendi li huwa qatt ma daħal fir-residenza tal-anzjana ta’ 81 sena u qed jinnega l-akkużi kollha miġjubin kontrih. Il-ġuri dwar attentat ta’ serq bi vjolenza fuq anzjana minn Ħal-Qormi f’Ġunju tal-2006.
Felice, li kellu 17-il sena meta wettaq ir-reat, nhar il-Ħamis, iddeċieda li jixhed fil-ġuri tiegħu stess fejn qal li jista’ jkun li l-anzjana Dolores Debono, fixklitu ma’ ħaddieħor u dan peress li hi qalet li ma tafux, u wara għarfitu mir-ritratti. Tenna li kieku kien hu li daħal fir-residenza tagħha, x’aktarx li kienet tgħarfu mill-ewwel peress li hu kien imur ħafna drabi ma’ sħabu jilgħab fit-triq tagħha, u dan kien jagħmlu meta kien għadu iżgħar. Għalhekk li kieku kien hu li wettaq ir-reat, kieku żgur li kienet tgħarfu mill-ewwel.
Meta inqrat ix-xhieda ta’ l-anzjana Debono, ħareġ li hija għarfet liż-żagħażugħ li kien wieħed minn tlieta li daħlu fir-residenza tagħha f’Ħal-Qormi biex jisirquha. Hija, qalet li kienet għarfitu meta l-Pulizija wrewha numru ta’ ritratti u hi nsistiet li dan kien liebes beritta filwaqt li t-tnejn l-oħra li daħlu biex jisiruqha kellhom wiċċhom mgħammad.
Debono kienet qalet lill-Pulizija li tliet irġiel kienu daħlu bil-forza fid-dar tagħha għall-ħabta tat-3.30 p.m. tas-27 ta’ Ġunju, ta’ tmien snin ilu, fejn filwaqt li wieħed żamma, t-tnejn l-oħra bdew iqallbu fid-dar. Wieħed mill-ħallelin mhux biss żammha u kkaġunalha ġrieħi ħfief f’diversi partijiet ta’ ġisimha, imma anke kaxkarha u kkaġunalha ġrieħi serhi fis-swaba ta’ saqajha.
L-akkużat li qed jiffaċċa tliet Kapi ta’ akkuża, jista’ jiġi kundannat, jekk jinstab ħati minimu ta’ disa’ xhur ħabs u massimu ta’ disa’ snin fuq ġrieħi li jwasslu għal diżabilita’ permanenti.
Madankollu l-aktar akkuża serja hija dik ta’ attenatat ta’ serq bi vjolenza, fejn dan jista’ jiġi kundannat minimu ta’ erba’ snin u massimu ta’ 12-il sena. Iż-żagħażugħ minn Ħal-Qormi qed jiġi akkużat b’attentat ta’ serq u swat fuq mara anzjana ta’ 81 sena, bil-vittma tispiċċa bi ġrieħi gravi, l-aktar f’wiċċha, u li anke weġġħet subajha ta’ saqajha.
It-tliet Kapi ta’ akkuża jikkonsistu f’attentat ta’ serq bi vjolenza, li kkaġuna lill-anzjana ġrieħi gravi u permanenti u li żammha u ssekwestraha kontra l-volonta’ tagħha u li kkaġunalha ġrieħi ħfief.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Giannella Busuttil u Nadia Attard f’isem l-Avukat Ġenerali filwaqt li għall-akkużat se jidher l-Avukat Leslie Cuschieri. Il-każ minn naħa tal-Pulizija kien mistħarreġ mis-Supretendent Carmelo Bartolo u l-Ispettur Daniel Zammit.
//= $special ?>