Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern biex jispjega x’inhi r-raġuni għalfejn mhux qed isiru dawn appuntamenti fil-GU Clinic fl-Isptar Mater Dei u kif seta’ jħalli funzjoni daqstant sensittiva mingħajr l-amministrazzjoni klinika neċessarja mingħajr ma jaħseb għal rimedju li jassigura l-kontinwità tas-servizz.
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Claudio Grech fl-istqarrija qal li minn dak li ġie rappurtat, s’issa jidher li persuni li qed jitolbu li jagħmlu testijiet marbutin mal-HIV/AIDS u l-Hepatitis fil-GU Clinic ta’ l-Isptar Mater Dei, li hi l-unikà faċilita li fiha jistgħu jsiru dawn it-tip ta’ testijiet, m’humiex jingħataw appuntamenti biex isirulhom dawn it-testijiet sensittivi u qed ikunu mitluba jħallu aktar minn xahar ieħor biex jerġgħu jippruvaw jagħmlu appuntament. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li din is-sitwazzjoni m’hijiex aċċettabbli f’sistema tas-saħħa żviluppata bħal ta’ pajjiżna u li l-Gvern għandu jaġixxi biex jindirizza l-problema mingħajr aktar dewmien.
L-istqarrija tkompli tgħid li dan in-nuqqas ta’ servizz jikkuntrasta bil-kbir mad-direttivi u l-linji gwida tal-World Health Organisation li tqis l-iscreening u t-testijiet bħala mezz ewlieni fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ dan it-tip ta’ infezzjonijiet. Minbarra li tagħmel dawn it-testijiet, din il-klinika għandha rwol importanti ħafna f’dak li għandu x’jaqsam mal-counselling ta’ pazjenti u tal-qraba tagħhom, servizz li jidher li minħabba nuqqas ta’ riżorsi qiegħed jingħata b’limitazzjonijiet.
Din is-sitwazzjoni mhux biss qiegħda tnaqqar il-livell tas-servizz mogħti lill-pazjenti iżda wkoll qed toħloq ħafna pressjoni fuq il-ħaddiema fil-GU Clinic li jridu jiffaċċjaw it-tħassib u r-rabja tal-pazjenti li ma jistgħux jingħataw servizz daqstant sensittiv. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern biex ma jħallix din is-sitwazzjoni tkompli għaddejja u jieħu azzjoni immedjata biex dan is-servizz jerġa’ jibda jingħata fuq il-livell li jixraq f’pajjiż żviluppat.
//= $special ?>