B’reazzjoni għall-istorja li żvela l-ġurnal in-Nazzjon, li ” ngħatat ordni minn fuq biex titneħħa l-karozza nvoluta fl-inċident tal-Ministru Mallia”, il-Kummissarju tal-Pulizija, permezz ta’ stqarrija maħruġa mit-Taqsima għar-Relazzjonijiet tal-Komunita’ u l-istampa tal-Pulizija, kkonferma li l-karozza tar-raġel Skoċċiż iċċaqalqet qabel bdiet l-inkjesta Maġisterjali.
Fl-istqarrija ntqal li l-ordni li ta l-Kummissarju tal-Pulizija kienet biex is-Supretendent Alessandra Mamo tinżel fuq il-post tal-inċident u tordna inkjesta Maġisterjali. L-istqarrija kkonfermat ukoll li l-Kummissarju talab biex jitniżżel low loader fuq il-post biex wara li titlesta l-inkjesta, l-vetturi jitniżżlu fil-bitħa tas-CID.
Intant f’reazzjoni l-Partit Nazzjonalista qal li fl-istqarrija tiegħu, l-Aġent Kummissarju Ray Zammit ikkonferma li fil-każ tal-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia, kien hemm tbagħbis fil-provi.
Sakemm bdiet l-Inkjesta Maġisterjali, skont l-istqarrija tal-Aġent Kummissarju stess, il-karozza ma baqgħetx fil-post fejn twaqqfet, iżda tpoġġiet fuq low loader tal-Pulizija. Dan jikkonferma li l-Inkjesta Maġisterjali bdiet bil-provi diġa’ mbagħbsa sostna l-Partit Nazzjonalista.
Ray Zammit, filwaqt li wieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-fatt li l-karozza tal-Iskoċċiż iċċaqilqet minn postha qabel bdiet l-Inkjesta Maġisterjali, ma weġibx dwar il-fatt li x-xufier tal-Ministru Manuel Mallia għadu ma tressaqx il-Qorti tgħid l-istqarrija tal-PN.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qed jibqa’ jinsisti li tingħata spjegazzjoni għalfejn ix-xufier ta’ Manuel Mallia għadu ma tressaqx il-Qorti ttemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>