Lokali

Il-Każ tal-Ministru Manuel Mallia – “Il-Prim Ministru jkompli jispara bl-addoċċ”

Fi stqarrija l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru jinsab dahru mal-ħajt u għadu dgħajjef quddiem l-abbuż tal-poter.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal dan wara li aktar kmieni l-Prim Ministru ħabbar fuq twitter li se jaħtar bord minn 3 eks ġudikanti biex jinvestigaw lill-Ministru Mallia, il-Prim Ministru Joseph Muscat informa b’dan lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li minn naha tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni mill-ewwel wieġeb lill-Prim Ministru permezz ta’ Twitter u qallu : “Il-Ministru Mallia għaffeġ dan il-każ u għaldaqstant  huwa għandu jaffaċċja s-sitwazzjoni”, qallu biex għal darba jaġixxi ta’ Prim Ministru”.

Fl-istqarrija b’reazzjoni għal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil qal li “minflok ma jagħmel dak li kulħadd qed jistenna, u jkeċċi lill-Ministru Manuel Mallia minnufih, il-Prim Ministru issa qed jiprova jtawwal u jfarfar fuq ħaddieħor”.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni  qal li l-Prim Ministru “issa jrid ifarfar fuq inkjesta oħra meta diġà għaddejja waħda u meta kulħadd jaf li l-ebda Imħallef ma jista’ jiddeċiedi min għandu jerfa’ r-responsabbilità politika ta’ dak li seħħ nhar l-Erbgħa”.

Sostna, li huwa l-Prim Ministru li jkeċċi lill-Ministri u l-ebda Imħallef. Imma jidher ċar li l-Prim Ministru huwa dgħajjef wisq biex jerfa’ din ir-responsabbilità.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sostna li flok jispara bl-addoċċ, Joseph Muscat għandu, għal darba, jerfa’ r-responsabbilità ta’ Prim Ministru.

Aktar kmieni, maltarightnow.com żvela li kmieni s-Sibt wara nofsinhar, f’Kastilja saru numru ta’ laqgħat bejn diversi persuni qrib il-Prim Ministru biex jaraw kif se joħorġu mill-problema li daħħalhom fiha il-każ tal-Ministru Manuel Mallia.  Konxji mill-fatt li dan il-każ qed joħloq diversi problemi, minn tagħrif li ksibna matul il-laqgħat fil-bidu kien hemm min ħareġ bl-idea li jkun identifikat “scapegoat” u jintefa’ it-tort kollu fuqu.

Għall-ewwel deher li l-“iscapegoat” kienet se tkun persuna mill-Ministeru ta’ Manuel Mallia, sakemm xi ħadt preżenti għal din il-laqgħa ħareġ bl-idea li l-Prim Ministru jaħtar bord ta’ 3 eks Ġudikanti biex jinvetigaw lill-Ministru Mallia, din l-idea niżlet tajjeb ħafna lill-Prim Ministru Joseph Muscat. F’din il-laqgħa kien propost ukoll li wieħed mill-Ġudikanti jkun nominat mill-Kap tal-Oppożizzjoni, f’tentattiv biex dan iċedi għal din il-manuvra.

Huwa ovju li aktar ma’ jgħaddi l-ħin, il-każ ta’ Mallia aktar qed joħloq problemi lill-Gvern. Għaldaqstant il-Prim Ministru jrid jilgħab għal ħin, billi l-ewwel iħabbar din l-idea, biex imbagħad jgħaddi aktar ħin, u l-pubbliku jinsa dan il-każ, bit-tama li jsalva lill-Ministru Mallia.

Madanakollu, hekk kif tħabbret din l-idea li ħarġu biha minn Kastilja, ħafna staqsew, Ministru nvestigat minn 3 Ġudikanti, il-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru tibqa tenibbli?