Lokali

Il-pixxina terapewtika tal-Fondazzjoni Inspire tibqa’ ma’ saħħanx

F’Awwissu li għadda, dan is-sit kien irrapporta li l-pixxina terapewtika tal-Fondazzjoni Inspire f’Marsaskala ma’ kienitx qed tissaħħan.

Dan għaliex il-Wasteserve ma kienitx qed tiġġenera biżżejjed enerġija mit-trattament tal-iskart fl-Impjant ta’ Riċiklaġġ ta’ San Antnin li kienet qed tintuża biex tissaħħan il-pixxina tal-Inspire.

Tliet xhur wara, bit-temperaturi issa jinżlu mhux ħażin minn Awwissu, is-sitwazzjoni baqgħet l-istess, bil-persuni li jużaw din il-pixxina ikollhom jissaportu temperaturi kesħin.

Diversi genituri ikkuntattjaw lil MaltaRightNow.com biex jesprimu r-rabja tagħhom għal din is-sitwazzjoni, li issa ilha tkarkar ix-xhur. Huma qalulna li filwaqt li fis-sħana tas-sajf, il-problema ma kienitx daqstant kbira, issa li t-temperaturi qed jiksħu, il-pixxina qed tkun kiesħa wisq, kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti.

Fil-fatt, f’dawn l-aħħar jiem kellha ssir sessjoni fil-Pixxina għal grupp ta’ madwar 90 persuna tħassret.

Mill-aħħar tal-2012, il-pixxina tal-Inspire kienet qed tissaħħan permezz tal-energija ġġenerata mill-WasteServ fil-proċess biex l-iskart organiku isir kompost.

Il-pixxina tal-Inspire, b’tul ta’ 25 metru, magħrufa bħala hydrotherapy pool, hi l-iktar forma ta’ terapija li tintuża minn nies b’kundizzjoni ta’ diżabilita’ fiżika u minn oħrajn li jkollhom bżonn terapija partikolari. L-ilma sħun inaqqas l-istress fuq il-ġogi u jgħin biex jissaħħu l-muskoli u titjieb iċ-ċirkolazzjoni.