Lokali

In-Nazzjon tiżvela kif l-Ambaxxatur Malti fil-Libja ltaqgħa mal-gvern illeġittimu Libjan ta’ Misrata

Rapport tal-ġurnalist Joe Mikallef fil-ħarġa tal-llum ta’ ‘In-Nazzjon’ jiżvela li Mannie Galea, l-Ambaxxatur ta’ Malta għal-Libja, fil-jiem li għaddew kellu wkoll laqgħat mat-tmexxija tal-Gvern illeġittimu Libjan stabbilit fil-kapitali Tripli u li hu magħruf bħala dak ta’ Misrata. Min-naħa l-oħra l-Gvern leġittimu Libjan hu dak immexxi mill-Prim Ministru Al Thinni stabbilit f’Tobruk.

Dan irriżulta lil ‘In-Nazzjon’ wara li nhar il-Ħadd li għadda fil-gazzetta ‘il-Mument’ kienet żvelata żjara ta’ korteżija li l-istess Ambaxxatur Malti Mannie Galea għamel lis-Sindku ta’ Tripli Mahdi al-Harati li bħalissa hu mfittex internazzjonalment dwar diversi każi ta’ terroriżmu.

In-Nazzjon tgħid li l-laqgħa bejn Mannie Galea u s-Sindku Mahdi al-Hatari saret nhar il-Ħamis, 6 ta’ Novembru 2014 u kienet rappurtata wkoll fil-media internazzjonali fejn “The Libya Observer” qalet hekk “The Maltese Ambassador to Libya Emmanuel Galea visits Central Tripoli Municipality today to congratulate Mayor and staff for officially assuming their duties.”

Dik iż-żjara stonat bil-kbir minħabba li saret ftit tal-jiem biss wara li f’Malta ltaqa’ l-Kabinett Libjan ibbażat f’Tobruk. Il-Kabinett leġittimu Libjan, għal diversi raġunijiet, għażel lil Malta biex jiddiskuti diversi temi ta’ importanza kbira dwar l-aġenda tiegħu fit-tmexxija tal-pajjiż li għaddej minn żminijiet diffiċli ħafna karatterizzati minn instabbiltà.

Dwar dik iż-żjara ta’ korteżija li imbarazzat lill-Gvern Malti, sorsi diplomatiċi fissru li diġà hu imbarazzanti ħafna li Ambaxxatur Malti jkollu x’jaqsam ma’ dan is-Sindku, li hu assoċjat mal-organizzazzjoni Al-Qaeda, aħseb u ara kemm żjara ta’ korteżija uffiċjali bħal din tista’ twassal fix-xena internazzjonali messaġġ ta’ tħassib.

Sadanittant, fid-dawl ta’ dan kollu ‘In-Nazzjon’ kompliet tirċievi aktar informazzjoni dwar l-operat tal-Ambaxxatur Malti fil-Libja, fosthom ukoll dwar aktar laqgħat li hu kellu mat-tmexxija tal-Gvern illeġittimu stabbilit fi Tripli u li ta’ laqgħa minnhom In-Nazzjon ippubblikat ukoll b’mod esklussiv ritratt.