Fil-ħarġa tal-llum tal-ġurnal ‘In-Nazzjon’ f’rapport minn Nathaniel Attard ġie żvelat li l-ordni lill-pulizija biex il-karozza ta’ Stephen Smith nhar l-Erbgħa filgħaxija titneħħa mill-ewwel minn taħt il-mini Tal-Qroqq – fejn kien arrestat l-Ingliż li fuqu spara l-eksxufier tal-Ministru Manwel Mallia – ingħatat minn fuq nett fil-Korp.
In-Nazzjon qal li jinsab infurmat, minn sorsi ta’ min joqgħod fuqhom, li din l-ordni ngħatat mill-Kummissarju tal-Pulizija Raymond Zammit. Mhux magħruf jekk l-Aġent Kummissarju kienx qed jaġixxi fuq ordni li ngħata hu stess minn aktar ’il fuq, jew inkella tax din id-direttiva fuq inizjattiva tiegħu. Mhux magħruf lanqas x’kienet ir-raġuni għal dan.
Kif kien żvelat fil-jiem ta’ wara dan l-inċident, il-karozza ta’ Smith ġiet mgħobbija fuq dak li jissejjaħ ‘low loader’ tal-Pulizija u ttieħdet mill-post, qabel ma waslu fil-post il-pulizija tad-distrett, u saħanistra qabel kienu waslu fil-post l-esperti tal-Qorti biex tibda l-inkjesta maġisterjali.
Il-karozza ttieħdet lejn il-garaxx tal-pulizija, u skont sorsi ta’ ‘In-Nazzjon’ fir-Rapid Intervention Unit (RIU) li l-membri tagħha kienu fil-post dak il-ħin, l-ordni rċivewha mingħand l-ogħla uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija.
In-Nazzjon tgħid li ħafna qed jistaqsu kif u għaliex ingħatat din l-ordni, kif qed jistaqsu wkoll għaliex il-karozza ministerjali ta’ Manwel Mallia, li x-xufier tagħha Peter Paul Sheehan issa ġie sospiż mix-xogħol tiegħu mal-Ministru kif ukoll minn Kuntistabbli tal-Pulizija, sakemm waslet mill-Gżira sal-mini tal-Imsida tneħħitilha n-number plate GM14 u minflok tħalliet in-number plate oriġinali, bin-numru ta’ reġistrazzjoni AQZ 853. Kien f’dak il-ħin li din il-karozza tal-Gvern tat-tip Mercedes Benz spiċċat fil-mira ta’ ħafna filmati u ritratti tal-ġurnalisti li laħqu waslu fil-post. U ħafna, anke hawnhekk, qed jistaqsu jekk Sheehan qabadx u neħħa n-number plate tal-Ministru minn jeddu, jew jekk ingħatax l-ordni biex jagħmel dan, u jekk iva, minn min.
Sorsi fil-qalba tal-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu wkoll li għandhom konferma li t-tiri fid-direzzjoni tal-Ingliż ġew sparati fit-triq residenzjali fl-inħawi tal-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq fejn seħħ l-argument ma’ Sheehan.
Jidher li l-eksxufier tal-Ministru Mallia fetaħ in-nar fuq il-karozza tas-sewwieq l-ieħor hekk kif dan ipprova jaħrab minnu malli ra l-arma f’idejh. Il-każ seħħ preċiżament fil-kantuniera bejn Treqjet Wied il-Kappara u Triq Edgar Bernard, li tiġi eżatt wara l-Kulleġġ Santa Monika.
Għadu mhux ċar lanqas jekk it-tiri sparati kinux tnejn jew tlieta. Għall-bidu kien qed jingħad li ġew sparati żewġ tiri ta’ twissija sakemm il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali nqabad f’gidba f’attentat ta’ cover-up u kellu jammetti li ma kienu warning shots xejn.
//= $special ?>