Internazzjonali

Jinqatlu 28 persuna f’attakk fuq xarabank fil-Kenja

Membri suspettati tal-grupp militanti Somalu al-Shabab qatlu mill-inqas 28 persuna f’attakk fuq xarabank fit-Tramuntana tal-Kenja.

Ix-xarabank kienet fi triqitha lejn il-kapitali, Nairobi, meta twaqqfet fiz-zona ta’ Mandera, qrib il-fruntiera mas-Somalja.

Wara li dderiġew ix-xarabank ‘il barra mit-triq, l-irġiel armati firdu lil dawk li huma ħasbu li m’humiex Musulmani u spiċċaw biex qatluhom.

Al-Shabab, il-grupp militanti bbażat fis-Somalja, kien ilu jwettaq diversi attakki fil-Kenja sa mill-2011. Din kienet is-sena meta l-Kenja bagħtet is-suldati fis-Somalja sabiex il-milizzja Iżlamika tkun miġġielda. Mandera, zona remota fil-Grigal tal-Kenja, kien wieħed mir-reġjuni milquta.