Lokali

Mhux aċċettabbli li Joseph Muscat jinħeba wara Inkjesta Maġisterjali – Simon Busuttil

Il-kredibilita’ tal-Prim Ministru in free-fall – jekk jibqa’ dgħajjef quddiem l-abbuż tal-poter isir kompliċi tiegħu hu stess

Jekk il-Prim Ministru mhux se jieħu azzjoni u jneħħi lill-Ministru Manwel Mallia, se jkun qed juri li hu kompliċi fl-abbuż ta’ poter li seħħ.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet fi Triq Wied il-Kappara fejn ftit jiem ilu seħħ inċident li kien jinvolvi x-xufier tal-Ministru Manwel Mallia li spara tiri għal fuq vettura oħra li ħabtet mal-karozza tal-Ministru.

Simon Busuttil qal li l-kreddibilta’ tal-Prim Ministru tinsab ‘in free-fall’ għax il-poplu jinsab irrabbjat li dan għadu ma ħax passi fil-konfront tal-Ministru tiegħu li bl-aktar mod ċar gideb dwar il-mod kif seħħew l-affarijiet. Joseph Muscat m’għandux jistenna l-inkjesta maġisterjali titlesta qabel ma jieħu passi fil-konfront ta’ Manwel Mallia li kollox jindika li prova jaħbi dak li seħħ.

Lanqas ma’ jista jitwemmen il-Prim Ministru meta jgħid li ma kien hemm l-ebda ntenzjoni li jsir cover-up tal-każ serju li seħħ, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil spjega kif is-Sibt ġie żvelat fil-midja li wara li seħħ l-inċident l-Erbgħa filgħaxija, kien il-Kummissarju tal-Pulizija li ordna li l-karozza tal-Ingliż li spara fuqha l-eks xufier ta’ Manwel Mallia titneħħa qabel ma bdiet l-inkjesta maġisterjali; fattur ieħor li wkoll jkompli jsostni l-possibilta’ li f’dan il-każ, l-awtoritajiet għattew u ħbew l-inċident.

Dwar dan Simon Busuttil qal li qed jistenna li l-Kummissarju tal-Pulizija jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara minnufih dwar ir-raġuni li l-karozza tal-vittma tneħħiet minn fuq il-post qabel bdiet l-inkjesta maġisterjali.

Fattur ieħor li wkoll jindika li kien hemm ‘cover-up’ ta’ dan l-inċident huwa l-fatt li l-istqarrija tal-Ministru Manwel Mallia l-Erbgħa filgħaxija tgħid li t-tiri ġew sparati fl-ajru bħala tiri ta’ twissija, iżda imbgħad irriżulta li t-tiri fil-fatt ġew sparati lejn il-karozza tal-Brittaniku Stephen Smith.

Dwar dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan l-inċident seta’ kellu konsegwenzi fatali li kieku ntlaqat xi ħadd ieħor li kien għaddej mit-triq.

Simon Busuttil żied jgħid li l-Oppożizzjoni qed titlob għat-tneħħija tal-Ministru Manwel Mallia anke’ għar-raġuni li dak li seħħ kien użu eċċessiv ta’ forza minn pulizija li kien qed iservi bħala x-xufier tal-Ministru u kien ġej bħala riżultat tal-kultura li daħħal dan il-Gvern Laburista li kulħadd jista’ jagħmel li jrid mingħajr l-ebda rispett lejn il-liġi.

Simon Busuttil qal li huwa l-Ministru Mallia li għandu jerfa’ r-responsabbilta’ tal-aġir irresponsabbli tax-xufier tiegħu li uża vjolenza eċċessiva sempliċiment minħabba ħabta bejn żewġ karozzi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll għaliex ix-xufier ta’ Manuel Mallia, issa li għaddew aktar minn 60 siegħa minn meta seħħet l-isparatura, għadu ma ġiex arrestat meta issa huwa kkonfermat li hu spara tiri fid-direzzjoni ta’ persuna li seta’ qatilha.

F’każijiet simili, l-pulizija taġixxi mall-ewwel u tieħu passi minnufih kontra min ikun l-aggressur. F’dan il-każ, iżda, ġara kollox bil-kontra, sostna Simon Busuttil. Ġie arrestat il-persuna li kellu tiri ta’ bullets indirizzati lejh, u min spara, għadu jiġri barra.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ tenna li m’hemm bżonn l-ebda Inkjesta Maġisterjali biex wieħed jinduna li Mallia għamel cover-up, anke minħabba l-fatt li l-Inkjesta Maġisterjali mhux xogħolha tidħol f’jekk kienx hemm cover-up jew le, imma sempliċement, x’seħħ fil-każ.

Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru ma jistgħax jitwemmen meta jgħid li ma kien hemm ebda intenzjoni li jsir cover-up għas-sempliċi raġuni li l-gidba laħqet saret u ma tistax titħassar. Għaldaqstant huwa ċar li l-Prim Ministru qed jiprova jinħeba wara l-inkjesta biex jiddefendi lil Mallia.

Simon Busuttil temm jgħid li l-kredibilità tal-Prim Ministru ħadet tisbita u tinsab ‘in free-fall’ bin-nies li huma rrabbjati u ddiżgużtati bl-aġir tal-Ministru Mallia u bir-reazzjoni dgħajjfa tal-Prim Ministru.

Jekk il-Prim Ministru jibqa’ dgħajjef quddiem dan l-abbuż ta’ poter sfaċċat allura jkun kompliċi fih hu wkoll, temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.