Jonathan Felice, li llum għandu 25 sena, ġie kundannat disa’ snin ħabs wara li nstab ħati mill-ġurati ta’ żewġ kapi ta’ akkuża minn tliet. Huwa nstab ħati b’sitt voti kontra tlieta ta’ attentat ta’ serq fuq anzjana ta’ 81 sena tmien snin ilu f’Ħal-Qormi u li kkaġunlha ġrieħi ħfief. Sadanittant b’sitt voti kontra tlieta huwa ma nstabx ħati ta’ feriti gravi fuq l-anzjana.
Wara ftit anqas minn erba’ siegħat ta’ deliberazzjoni l-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom. Kien għall-ħabta tas-siegħa neqsin għaxra tas-Sibt, li l-ġurati, tmien t’irġiel u tliet nisa, daħlu biex jiddeċiedu l-futur ta’ Felice, wara li l-Imħallef Michael Mallia temm l-indirizz tiegħu.
Il-ġuri li beda nhar l-Erbgħa, dwar attentat ta’ serq bi vjolenza fuq anzjana minn Ħal-Qormi f’Ġunju ta’ tmien snin ilu, issa għalhekk jinsab riesaq lejn tmiemu, wara li l-Prosekuzzjoni u d-difiża għalqu il-provi tagħhom u wara l-Imħallef Mallia spjega lill-ġurati l-punti legali tal-każ.
Felice minn Ħal-Qormi kien qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih qed jikkontendi li huwa qatt ma daħal fir-residenza tal-anzjana ta’ 81 sena u qed jinnega l-akkużi kollha miġjubin kontrih. Il-ġuri dwar attentat ta’ serq bi vjolenza fuq anzjana minn Ħal-Qormi f’Ġunju tal-2006.
Felice, li kellu 17-il sena meta wettaq ir-reat, nhar il-Ħamis, iddeċieda li jixhed fil-ġuri tiegħu stess fejn qal li jista’ jkun li l-anzjana Dolores Debono, fixklitu ma’ ħaddieħor u dan peress li hi qalet li ma tafux, u wara għarfitu mir-ritratti. Tenna li kieku kien hu li daħal fir-residenza tagħha, x’aktarx li kienet tgħarfu mill-ewwel peress li hu kien imur ħafna drabi ma’ sħabu jilgħab fit-triq tagħha, u dan kien jagħmlu meta kien għadu iżgħar. Għalhekk li kieku kien hu li wettaq ir-reat, kieku żgur li kienet tgħarfu mill-ewwel.
Meta inqrat ix-xhieda ta’ l-anzjana Debono, ħareġ li hija għarfet liż-żagħażugħ li kien wieħed minn tlieta li daħlu fir-residenza tagħha f’Ħal-Qormi biex jisirquha. Hija, qalet li kienet għarfitu meta l-Pulizija wrewha numru ta’ ritratti u hi nsistiet li dan kien liebes beritta filwaqt li t-tnejn l-oħra li daħlu biex jisiruqha kellhom wiċċhom mgħammad.
Debono kienet qalet lill-Pulizija li tliet irġiel kienu daħlu bil-forza fid-dar tagħha għall-ħabta tat-3.30 p.m. tas-27 ta’ Ġunju, ta’ tmien snin ilu, fejn filwaqt li wieħed żamma, t-tnejn l-oħra bdew iqallbu fid-dar. Wieħed mill-ħallelin mhux biss żammha u kkaġunalha ġrieħi ħfief f’diversi partijiet ta’ ġisimha, imma anke kaxkarha u kkaġunalha ġrieħi serhi fis-swaba ta’ saqajha.
It-tliet kapi ta’ akkuża kienu jikkonsistu f’attentat ta’ serq bi vjolenza, li kkaġuna lill-anzjana ġrieħi gravi u permanenti u li żammha u ssekwestraha kontra l-volonta’ tagħha u li kkaġunalha ġrieħi ħfief. Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li Felice kien taħt l-eta’ meta wettaq ir-reat u l-fatt li l-vittma kellha 81 sena meta ġiet aggredita.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Giannella Busuttil u Nadia Attard f’isem l-Avukat Ġenerali filwaqt li għall-akkużat deher l-Avukat Leslie Cuschieri. Il-każ minn naħa tal-Pulizija kien mistħarreġ mis-Supretendent Carmelo Bartolo u l-Ispettur Daniel Zammit.
//= $special ?>