Lokali

F’din it-taħwida kollha, Muscat moħħu biss fil-Kap tal-Oppożizzjoni – il-PN

Huwa ironiku li fit-taħwida kollha li jinsab fiha, l-Prim Ministru Joseph Muscat aktar moħħu fil-Kap tal-Oppożizzjoni milli biex ineħħi lil Ministru Manuel Mallia.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li Joseph Muscat għandu jieħu deċiżjoni ta’ Prim Ministru u jneħħi lill-Ministru tiegħu li nqabad jigdeb u jiprova joħloq cover-up biex jgħatti l-isparaturi tax-xufier tiegħu fuq persuna oħra.

Muscat jaf x’inhi l-verita’ kollha għax hu qed jiddefendi lil Manuel Mallia u l-Uffiċjal tal-Kommunikazzjoni tiegħu prepara lil Mallia biex jindirizza lill-ġurnalisti nhar il-Ħamis, tgħid l-istqarrija.

L-istqarrija ttemm tgħid li Muscat, flok jattakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni, messu jara għaliex ix-xufier ta’ Mallia għadu jiġri barra u ma ġiex arrestat, wara li kulħadd jaf li kien hu li spara t-tiri fid-direzzjoni tal-Iskoċċiż. Muscat messu jara min ta l-ordni biex dan ma jiġi arrestat fl-ebda ħin minkejja li għamel delitt tant gravi.