Lokali

Il-persuna li spara tiri fid-direzzjoni ta’ persuna oħra jibqa’ jiġri barra

Minkejja li għaddew erbat ijiem, ix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia baqa’ ma ġiex arrestat. Dan minkejja li l-Erbgħa filgħaxija spara żewġ tiri fid-direzzjoni ta’ vettura ta’ Skoċċiż li laqat il-karozza tal-Ministru.

Dan is-sit jinsab infurmat li Paul Shennan, l-eks xufier ta’ Manwel Mallia ta l-verżjoni tiegħu fl-għassa tal-Imsida, madanakollu fl-ebda ħin ma ttieħed id-depot jew inżamm arrestat.

Analisti li tkellmu ma’ dan is-sit qalu li mhux normali li f’inċidenti ta’ dan it-tip ma jitressaqx persuna li jkun uża arma tan-nar u spara fid-direzzjoni ta’ persuna. Normalment isir arrest u l-persuna konċernata titressaq il-qorti.

Ironikament, anke’ jekk persuna tispara lejn xi tjur illegalment, din tiġi arrestata. Dan ma kienx il-każ fil-konfront tal-eks xufier ta’ Mallia, li spara fid-direzzjoni ta’ persuna bil-konsegwenza li seta’ qatlu.

Fl-aħħar sigħat komplew iqumu numru ta’ mistoqsijiet b’rabta ma’ dan il-każ, fosthom dwar min ta l-ordni biex ma jittieħdux passi kontra Shennan u ma jiġix arrestat.