Lokali

Joseph Muscat ddiżgustat, deluż u diżappuntat bil-Ministru Manwel Mallia

L-ISPARATURA TAX-XUFIER TAL-MINISTRU MANUEL MALLIA LIL SKOĊĊIŻ WARA INĊIDENT TAT-TRAFFIKU

Manuel Mallia joħloq problemi kbar lil Muscat

L-inċident ta’ nhar l-Erbgħa filgħaxija meta x-xufier tal-Ministru Manuel Mallia spara tiri ta’ arma tan-nar fid-direzzjoni ta’ karozza misjuqa minn Skoċċiż li kien għadu kemm laqatlu l-karozza tiegħu waqt li kienet ipparkjata, jista’ jkun li se tkun tfisser bħala d-daqqa kbira għall-Ministru Manuel Mallia li fl-aħħar 20 xahar iddiżgusta, iddeluda u ddiżappunta bil-kbir lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Sensiela ta’ inċidenti – magħrufa pubblikament jew le iżda li Kastilja taf tajjeb dwarhom – xebbgħu u litteralment dejqu lill-Prim Ministru li ma jistax jemmen kif dak il-persuna li tant wera li seta’ jipprometti bħala politiku fil-Kabinett ta’ Gvern ġdid, fl-aħħar 20 xahar wera li m’hux kapaċi jagħmel il-qabża mistennija minnu.

Manuel Mallia hu fost l-aktar membri fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat li ma laħqux l-aspettattiva, li qed jiddiżgustaw, jiddeludu u jiddiżappuntaw bil-kbir.

B’mod kunfidenzjali membri fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat jistqarru li huma wkoll sorpriżi għall-aħħar bil-performance ta’ Manuel Mallia, mhux biss li kemm ilu Ministru għamel ħafna żbalji ħoxnin, imma anki għax ħa miegħu u żammu, minkejja kollox (kif qegħdin nirrappurtaw fil-ħarġa tal-lum) lil Silvio Scerri li bosta jikkunsidrawh bħala persuna li qiegħed idaħħlu f’diversi sqaqien.

Analisti li tkellmu ma’ dan is-sit saħqu li bla dubju ta’ xejn li l-inċident li seħħ nhar l-Erbgħa li fih kien involut ix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia hu xokkanti u m’għandux jitħalla għaddej qisu xejn mhu xejn. Xufier ta’ Ministru m’għandu qatt jispara tiri minħabba inċident ta’ ħabta bejn żewġ karozzi. Dan hu użu eċċessiv u sproporjonzat ta’ arma tan-nar, aktar u aktar meta dan kien ix-xufier tal-Ministru responsabbli mill-Pulizija u allura mill-ordni pubblika.