Lokali

Kronoloġija tal-fatti: Il-każ tal-isparatura mix-xufier ta’ Manwel Mallia

Kif seħħew l-affarijiet fil-lejl meta x-xufier tal-Ministru Manwel Mallia spara fuq il-vettura ta’ raġel li laqat il-karozza tal-Ministru.

8.00p.m. : Paul Sheehan, ix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia, wassal lill-Ministru Manuel Mallia għal okkażjoni soċjali organizzata minn xi pulizija b’karozza Mercedes tal-Gvern AQZ 853 immarkata GM14.

8.15p.m. : Paul Sheenhan mar għand ommu, il-Gżira biex jiekol. Hu pparkkja wara r-residenza tal-ġenituri tiegħu.

8.40p.m. : Mit-triq fejn kienet ipparkjata l-karozza tal-Ministru, għadda Stephen Smith bil-vettura Vauxhall ta’ kulur dehbi bin-numru tar-reġistrazzjoni FE10SPV. Jidher li l-karozza misjuqa minn Stephen Smith laqtet il-vettura tal-Gvern. Jidher li Paul Sheehan rikeb il-karozza tiegħu u saq wara l-Iskoċċiż sal-punt li waqqfu fil-kantuniera ta’ Triq Wied il-Kappara ma’ Triq Edgar Bernard fejn iż-żewġ sewwieqa niżlu mill-karozza u tlewmu. Jidher li PC533 Paul Sheehan kellu f’id waħda pistola u f’id oħra mobile li minnu deher li kien qiegħed jikkomunika ma’ xi ħadd. Bejnu u bejn is-sewwieq Skoċċiż żviluppa argument jaħraq, bix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia jargumenta miegħu b’vuċi għolja, filwaqt li kien kontinwament ixejjer l-arma.

Minħabba li l-Iskoċċiż beda jistaqsi lil Paul Sheehan għaliex kellu l-pistola f’idu u xi drabi ppuntata lejh, ix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia beda jiġġustifika dan billi qallu li hu kien qiegħed jheddu u pprova jħebb għalih.

Steve Morrison Smith

Ix-xufier Skoċċiż, fil-mira tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia

Iseħħu l-isparaturi
Minnufih il-barrani daħal mill-ġdid fil-karozza tiegħu Vauxhall u ħarab mill-post, bix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia l-ewwel jiġri ftit metri u mbagħad jispara darba, darbtejn fid-direzzjoni tal-karozza u wara jirkeb immedjatament fil-karozza Ministerjali u jsuq warajh b’veloċità.

L-isparaturi saru b’balal tad-9mm minn pistola Glock li laqtu l-vettura tal-Iskoċċiż; waħda laqtet il-fanal u l-oħra parti mis-saqaf. L-Iskoċċiż kompla jsuq b’veloċità fl-attentat li jaħrab mill-isparar u għadda minn Triq Turu Rizzo u minn Triq Ġużè Miceli, sakemm kien interċettat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit taħt il-mina fil-viċinanzi Tal-Qroqq fejn twaqqaf mill-Pulizija fil-preżenza tax-xufier tal-Ministru Manuel Mallia. Dan kollu ġara għall-ħabta tad-9 p.m.

Il-Control Room mgħarrfa
Sorsi qrib l-investigazzjoni tal-Pulizija qalu lil il-mument li b’dak li kien qiegħed jiġri ġiet infurmata wkoll il-Control Room tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. L-informazzjoni kienet tgħid li ħdejn il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq fil-Gżira kien hemm vettura li laqtet vettura oħra pparkajta u baqghet sejra. F’dan l-inċident ix-xufier tal-karozza ipparkjata spara xi tiri lejn ix-xufier li baqa’ sejjer.

puliizja - karozza

Il-karozza tal-Iskoċċiż titneħħa mill-post
Il-Pulizija marru mill-ewwel fil-post biex tgħin, iżda kienu infurmati li membri tal-RIU kienu diġà ħdejn iż-żewġ vetturi taħt il-mina Tal-Qroqq. Il-karozza tax-xufier Skoċċiż kienet irmunkata immedjatament mit-trakk tal-Pulizija lejn il-Kwartieri tal-Pulizija fil-Furjana qabel ma waslet il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras u l-esperti maħtura mill-Maġistrat. Allegatament jidher li l-ordni biex il-karozza ta’ Stephen Smith titneħħa mill-post ingħatat direttament mill-Aġent Kummisarju tal-Pulizija Ray Zammit.

IMG_8084

Jintalab jagħmel it-test tan-nifs
Fl-istħarriġ ħa sehem fost oħrajn is-Surġent Sandro Mangion PS1033 li rriżultalu li x-xufier tal-vettura FE10SPV (l-Iskoċċiż) ittieħed mill-Pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan. Dan sar mis-Surġent PS778 bl-iskop li lil Stephen Smith jitteħidlu kampjun tan-nifs minħabba suspett li Smith seta’ kien taħt l-influwenza tax-xorb. Smith kien imwissi mill-Pulizija dwar dan il-kampjun tan-nifs u l-Iskoċċiż irrifjuta t-test. Dak il-ħin ta’ dan kien 9.45 p.m. u l-kampjuni kienu se jitteħdulu minn PS1540.

Wara r-rifjut, l-istess persuna għażlet li tiffirma r-riċevuta tat-test u immedjatament wara l-Iskoċċiż ittieħed mill-Għassa ta’ San Ġiljan għall-Għassa ta’ Tas-Sliema. Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li mhux ċar għaliex ittieħed fl-Għassa ta’ San Ġiljan u mhux fl-Għassa ta’ Tas-Sliema jew l-Imsida li huma parti mid-Distrett fejn ġara l-inċident.

B’dan l-inċident sadattant kienu infurmati wkoll is-Supretendent Alexandra Mamo u l-Ispettur Jason Francis Sultana. Il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras ordnat li ssir inkjesta maġisterjali u ħatret diversi esperti biex jgħinu fl-inkjesta, fosthom l-espert tat-traffiku Mario Buttigieg u t-Tabib Mario Scerri flimkien ma’ membri tas-SOCO tal-Pulizija.

Sadattant Stephen Smith ittieħed fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida fejn kienet qed issir l-Inkjesta u l-Iskoċċiż reġa’ ntalab biex jagħti l-kampjun tan-nifs din id-darba mis-Surġent 309 flimkien ma’ PS778. Hawnhekk jidher li Stephen Smith aċċetta u mir-riżultat tat-test irriżulta li dan kif fil-livell ta’ 109mmg/100ml. Dan il-kampjun tan-nifs ittieħed għall-ħabta tas-1.59 a.m. tal-Ħamis. Dan immarka pożittiv.

Minn aktar informazzjoni li rnexxielu jikseb il-mument irriżulta li s-Surġent PC1033 osserva li l-vettura FE10SPV kienet milquta b’tiri – waħda fuq il-pumber ta’ wara n-naħa tax-xufier u l-oħra fuq wara mas-saqaf fin-naħa ta’ wara. L-Ispettur Sultana flimkien bl-għajnuna tal-Esperti tal-Qorti komplew jieħdu aktar stqarrijiet. Sadattant seħħ żvilupp ieħor importanti meta PS778 innota li l-arloġġ tal-makna tal-breathalyser kien baqa’ ssettjat bis-siegħa ‘l quddiem. Il-ħin li fih sar il- breathalyser validu kien 00.59.56 sbieħ il-Ħamis u mhux kif immarka preċedentement fis-1.59.56 sbieħ il-Ħamis.

Jinħelsu mill-arrest
Ftit tal-ħin wara t-3.30 a.m. l-Ispettur J. Sultana ordna l-ħelsien taż-żewġ persuni mill-arrest. Paul Sheenhan staqsa jekk il-persuna l-oħra li kien qed jgħin fl-investigazzjonijiet kienx diġà telaq. Hu talab ukoll il-protezzjoni tal-Pulizija biex imur id-dar. Ix-xufier tal-Ministru Mallia kien skortat sal-karozza tiegħu minn PC1422 u PC127.

L-Ispettur Sultana jidher li ta struzzjonijiet lill-Pulizija, fosthom lil PS845 u WPC316 biex issir ronda fit-toroq ta’ Nikol Cottoner, Misraħ Turu Rizzo, Triq Nazju Ellul, Triq Wied il-Kappara u Triq Edgar Bernard u jiċċekkjaw għall-cameras tas-sorveljanza li jistgħu jgħinu fl-investigazzjoni ta’ dan ir-rapport. L-unika camera li kienet osservata li tista’ tgħin lill-Pulizija kienet tal-kumpanija Tekno Line fi Triq Edgar Bernard fil-Gżira. Dwar dan PS845 tkellem ma’ ċertu Patrick Farrugia li seta’ jgħin għaliex fil-fatt kellu l-filmat li kopja tiegħu seta’ jgħaddiha lill-Pulizija.

X’intqal mix-xhieda
Il-Pulizjia tkellmu wkoll ma’ residenti ta’ Triq Edgar Bernard. Mill-istqarrija li ta’ ċertu Tiziano Mousu, irriżulta li ż-żewġ vetturi, wara t-tilwima u l-isparaturi, għaddew minn Triq Turu Rizzo kif ukoll min Triq Ġużè Miceli.

Il-Pulizija ċċekkjaw jekk fl-imsemmija toroq hemmx cameras tas-sorveljanza. Iżda ma kenux osservati li jistgħu jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjonijet.

Aktar tard il-Pulizija kienu infurmati mill-Viċi Kummissarju tal-Kummissjoni Għolja Ingliża li uffiċjali tal-Kummissjoni xtaqu li jitkellmu ma’ Stephen Smith.

Sadattant nhar il-Ħamis kmieni wara nofsinhar fuq struzzjonijiet tas-Supretendent Alexandra Mamo, l-Ispettur JF Sultana, is-Surġent 778 u WPC360 marru fi Triq Wied il-Kappara u kellmu lill-abitanti tat-triq. Jista’ jingħad li kulħadd qal li kien sema’ żewġ tiri biss, iżda minn dawk kollha spikkat il-verżjoni ta’ Claudia Nicastro li stqarret lil WPC360 li għall-ħabta ta’ bejn it-8.45p.m. u d-9 p.m.

It-tifla tagħha nnutat ħafna storbju u dawl mit-tieqa tar-residenza tagħha li tagħti għall-imsemmija triq kantuniera ma’ Triq Edgar Bernard. L-istess persuna stqarret li hekk kif bintha qaltilha hekk, hi marret tittawwal mill-imsemmija tieqa u rat żewġ vetturi, waħda tal-Gvern u oħra ta’ kulur dehbi, l-aħħar waħda b’numru ta’ reġistrazzjoni barranija u kienet wieqfa.

Hi kompliet li l-persuna barranija bdiet titkellem bil-Malti u tgħid lix-xufier tal-vettura tal-Gvern “għalfejn għandek il-pistola”. U x-xufier l-ieħor qallu “għax ippruvajt tħebb għalija”. Wara l-barrani daħal fil-karozza tiegħu u saq bl-addoċċ u x-xufier l-ieħor, jiġifieri tal-karozza tal-Gvern, saq għal warajh u hekk kif dar il-kantuniera, saret l-isparatura.

Filwaqt li r-residenti tal-imsemmija triq stqarrew li kienu semgħu xi ħaġa, kien hemm min ma’ sama’ u ra xejn. Minn dan kollu jista’ jkun stabbilit li l-isparatura saret fi Trejqet Wied il-Kappara kantuniera ma’ Triq Edgar Bernard li tiġi eżatt wara l-Kulleġġ ta’ Santa Monica.

Is-Supretendent Alexandra Mamo kienet infurmata b’dan kollu mill-Ispettur inkarigat li flimkien mal-Esperti tal-Qorti, fir-residenza tas-Sinjura Claudia Nicastro, tat ix-xhieda tagħha bil-ġurament.