Fl-2010 il-Klabb Kotba Maltin ippubblika x-xogħol ta’ Immanuel Mifsud Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben). Sena wara dan il-ktieb rebbaħ lil Mifsud il-premju letterarju tal-Unjoni Ewropea u f’dik is-sena stess Midsea Books ippubblikaw il-verżjoni Ingliża bi traduzzjoni ta’ Albert Gatt.
Matul l-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru Mifsud se jkun qiegħed Bukarest għat-tnedija uffiċjali tal-verżjoni Rumena ta’ dan il-ktieb, bi traduzzjoni tal-kittieba Denisa Duran u pubblikazzjoni tal-edituri Polirom meqjusin bħala l-aktar pubblikaturi prominenti fir-Rumanija. Waqt iż-żjara tiegħu f’Bukarest Mifsud se jkun qiegħed jaqra f’diversi postijiet kulturali u se jkun ukoll mistieden speċjali wat il-Festival Letterarju Internazzjonali li jsir kull sena fil-kapitali Rumena.
Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) se jkun ippubblikat bil-Franċiż, bi traduzzjoni ta’ Nadja Mifsud Mutschler minn Gallimard u bil-Maċedonu, bi traduzzjoni ta’ Vladimir Jankovski kmieni s-sena d-dieħla.
Meqjus minn kritiċi bħala xogħol oriġinali fil-letteratura lokali, dan il-ktieb jiddiskuti l-maskulinità permezz ta’ osservazzjoni mill-qrib fir-relazzjoni bejn il-protagonist u missieru u ibnu.
Xi ġimgħat ilu l-Klabb Kotba Maltin ippubblikaw l-aktar xogħol riċenti ta’ Mifsud, ir-rumanz Jutta Heim.
Fir-ritratt tidher it-traduzzjoni tal-verżjoni Rumena Denisa Duran, waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb fil-Festival tal-Ktieb Gaudeamus, f’Bukarest il-ġimgħa li għaddiet.
//= $special ?>