Fuq l-istazzjon tar-radju Laburista Joseph Muscat kompla jfarfar ir-responsabbilta’ dwar l-abbuż ta’ poter tal-Ministru Manwel Mallia fir-rigward tal-isparatura mix-xufier tiegħu… filwaqt li kompla jgħid li jinsab ‘diżgustat’ għal dak li seħħ
Joseph Muscat jibqa’ jgħid li jinsab iddiżgustat b’dak li ġara, iżda fl-istess ħin ikompli jfarfar ir-responsabbilta’ minn fuq spallejh.
Hu kien qed jitkellem dwar il-każ ta’ abbuż ta’ poter mill-Ministru Manwel Mallia rigward il-każ tal-isparatura mix-xufier tiegħu.
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem fuq l-istazzjon tar-radju Laburista l-Ħadd filgħodu meta għal darb’orħa reġa’ tenna li jinsab diżgustat b’dak li ġara, fejn saħansitra qal li l-każ ixxokkja ħafna lin-nies.
Iżda filwaqt li kompla jisħaq kemm jinsab diżgustat b’dak li ġara, waqt l-intervista tal-Ħadd filgħodu, Muscat kompla jfarfar ir-responsabbilta’ minn fuq spallejh u baqa’ jinsisti li se tkun inkjesta minn tlett membri tal-ġudikatura li se tiddeċiedi dwar il-pożizzjoni tal-Ministru Manwel Mallia.
Mhux talli hekk talli fl-intervista’, Joseph Muscat attakka lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li ma tridx li taħtar membru tal-ġudikatura hi u qal li għaldaqstant, hija l-Oppożizzjoni li mhux qed terfa’ r-responsabbilta’
Dwar dan, il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami, waqt intervista fuq Radio 101 il-Ħadd filgħodu qal li l-Prim Ministru qed ikompli jfarfar mir-responsabbilta’ tiegħu.
Wara li induna li inkjesta maġisterjali mhux se tidħol fl-aġir u r-responsabbilta’ tal-Ministru Mallia, Joseph Muscat ħareġ b’ereżija oħra, dik li jfarfar ir-responsabbilta’ u jitfagħha fuq tlett eks membri tal-ġudikatura.
Muscat ostaġġ ta’ Manwel Mallia u mhux kapaċi jagħmel id-dover tiegħu fil-konfront ta’ Ministru li jagħmel żball wara l-ieħor.
//= $special ?>