minn Stewart Said
BOV PREMIER
NAXXAR L…..1
QORMI…………1
Naxxar: J. Azzopardi, A. Scicluna, I. Edet, M. Del Negro, P. Gueye, D. Falzon, G. Da Silva Ribeiro, R.G Cassar, A. Buhagiar, D. Reano, U. Eminike
Sost: T. Vella flok A. Buhagiar 53’, P. Doffo flok P. Gueye 53’, D. Bonnici flok R.G. Cassar 80’
Qormi: M. Farrugia, A. Bruce, B. Bondin, M. Mazzetti Latini, J. Chetcuti, A. Effiong, F. Temile, E. Vella, Z. Levnaic, D. Pisani, J. Bondin
Sost: R. Micallef flok J. Chetcuti 73’, S. Agius flok D. Pisani 85’, A. Santos flok F. Temile 89’
Skorjaw: D. Pisani 48’ (Q), G. Da Silva Ribeiro 93’ (N)
Imwissija: D. Reano 53’, G. Da Silva Ribeiro 93’, P. Doffo 94’ (N), R. Micallef 75’, A. Effiong 83’, M. Mazzetti Latini 87’ (Q)
Referee: Nick Pratt (Wal)
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Duncan Pisani (Qormi)
Gowl fil-ħin miżjud salva punt għal Naxxar f’partita li ma kien fiha xejn speċjali għajr bidu pożittiv minn Qormi fil-bidu tat-tieni taqsima. Il-Qriema skorjaw fil-bidu tat-tieni taqsima u dehru resqin lejn rebħa iżda forsi ħassewhom komdi b’gowl vantaġġ u pattew qares għalih. Għal Naxxar dan kien punt prezzjuż wara li kellhom partita fqira bi ftit azzjonijiet denji lejn il-lasti.
Il-kowċ ta’ Naxxar Jesmond Zerafa għamel bidla waħda mir-rebħa kontra Sliema b’Mattia del Negro jiġi preferut flok Victor Bellia. Min-naħa l-oħra l-kowċ Qormi Josef Mansueto għamel tliet bidliet mid-draw kontra Pietà b’Bjorn Bondin, Joseph Chetcuti u Zoran Levnaic jieħdu post Steve Agius, Ryan Micallef u Anderson Santos.
L-ewwel azzjoni perikoluża waslet minn Naxxar meta fid-9 minuta free-kick ta’ Gilmar għadda ftit barra. Ir-risposta ta’ Qormi fl-14-il minuta meta Temile għadda tajjeb mal-linja u krossja lejn Chetcuti li kellu l-ewwel xutt li ħabat ma’ Effiong, iżda mir-rebound id-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet salvat faċilment minn Azzopardi.
In-Naxxarin ħolqu azzjoni oħra fl-20 minuta b’konklużjoni ta’ Darren Falzon li għadddiet fuq il-lasti. Lejn tmiem l-ewwel taqsima żewġ attakki ta’ Qormi meta fl-44 minuta minn free-kick ta’ Bruce, Temile bir-ras sab lil Azzopardi kien attent u minuta wara xutt djagonali ta’ Alfred Effiong ġie mdawwar f’korner.
Il-Qriema marru fil-vantaġġ fit-48 minuta meta minn pass preċiż ta’ Bruce, DUNCAN PISANI għeleb in-nasba tal-offside u għeleb lil Azzopardi b’konklużjoni fil-baxx. It-tim ta’ Mansueto kompla jattakka u mar viċin fil-55 minuta meta minn kross ta’ Pisani, Frank Temile prova b’mod akrobatiku iżda l-konklużjoni għaddiet ftit barra.
Fis-57 minuta xutt ta’ Frank Temile ġie mxellef għal korner u mill-istess korner minn kross ta’ Chetcuti, Azzopardi bi bravura salva tajjeb id-daqqa ta’ ras ta’ Mazzetti. Duncan Pisani kompla jagħmel il-ħsara fuq il-lemin u fit-63 minuta ikkrossja lejn Effiong iżda Azzopardi salva parzjalment qabel id-difiża biegħdet il-periklu.
Qormi kienu kuntenti li jamministraw il-partita bl-ebda azzjoni denja minn Naxxar. Iżda t-tim ta’ Jesmond Zerafa irnexxilu jsib il-gowl tad-draw fit-93 minuta meta d-difiża Qormija kklerjat parzjalment ballun fil-kaxxa u daħal pront GILMAR DA SILVA RIBEIRO li b’xutt bomba ma ta l-ebda ċans lil Farrugia.
//= $special ?>