Sport

Pacquiao iżomm it-titlu WBO

BOXING: Manny Pacquaio żamm it-titlu mondjali WBO tal-welterwieght meta f’Macao ilbieraħ għeleb lill-isfidan Amerikan Chris Algieri.

Il-Filippin, tmien darbiet Champion tad-Dinja tal-kategorija, waqqa’ lill-avversarju tiegħu ta’ 30 sena sitt darbiet waqt il-ġlieda ta’ 12-il round u ta’ wkoll l-ewwel telfa lil Algieri.

“M’inix sorpriż li kompla jqum. Dan hu dak li għamel kontra Ruslan Provdnikov,” qal Pacquiao li ta’ 35 sena issa għandu 57 rebħa minn 64 ġlieda.

Algieri kien ippremjat talli qam minn żewġ knock-outs kontra r-Russui Provodnikov fil-ġlieda preċedenti ima ma seta’ jagħmel xejn quddiem il-qawwa ta’ Pacquaio.

Il-Filippin waqqa’ lil Aglieri fit-tieni round meta bid-daqqa tiegħu l-Amerikan żelaq. Erba’ rounds wara Algieri waqa’ fuq rasu wara attakk ieħor u daqqa bil-lemin.

“Mhux biss għandu veloċità tremenda f’idejh imma hu ġellied tajjeb ukoll. Jagħmel kollox tajjeb,” qal l-eks kickboxer. “Qatt ma weġġajt imma laqatni b’daqqa tajba.”
Wara Algieri spiċċa tliet darbiet oħra fl-art, tnejn minnhom fid-disa’ round biex Algieri żamm kif seta’ sal-qanpiena tal-aħħar round minkejja li Pacquaio reġa’ waqqgħu b’daqqa oħra bix-xellug fl-10 round.

Sa dak il-ħin iżda moħħ il-Filippin kien diġà beda jaħseb fuq l-Amerikan Floyd Mayweather li ta’ 37 sena hu ħames darbiet champion tad-dinja.

“Irrid dik il-ġlieda u l-partitarji jimmeritahom dik il-ġlieda.”

Iż-żewġ boxers qatt ma laħqu ftehim fuq din il-ġlieda bl-akbar problema tkun dik li Mayweather qed jinsisti li jkun hemm programm ta’ eżami bir-reqqa tad-demm waqt it-taħriġ.