Internazzjonali Knisja

Saċerdot Anglikan fl-inkwiet minħabba relazzjoni ma’ mara

Ir-Reverendu Stephen Vincent ta’ 40 sena tilef xogħlu bħala saċerdot u tkeċċa mir-residenza li kien ingħata miċ-Church of England wara li nkixef li kien qed ikollu relazzjoni ma’ mara.
Vincent, li hu miżżewweġ u għandu tlett itfal, ma tħalliex ikompli jqaddes wara li nstab li hu kien beda relazzjoni ma’ mara li kienet intbagħtet għandu meta kien responsabbli tal-knisja ta’ St Giles f’Newcastle-under-Lyme, għaliex riedet issir membru tal-kleru Anglikan.
Il-każ inkixef wara ilment mat-tmexxija Anglikana mill-mara, li wkoll kienet f’relazzjoni oħra, li l-qassis kien stupraha, akkuża li Vincent qed jiċħad bil-qawwa.
Il-każ kien investigat mill-pulizija iżda ma ħaditx passi. Investigazzjoni taċ-Church of England qalet li temmen il-verżjoni tal-fatti ta’ Vincent imma l-aġir tiegħu kien kundannat u kien projbit milli jservi bħala saċerdot għal tmien snin u bħala konsegwenza spiċċa bla xogħol.