Internazzjonali

Stallone mistenni jaħdem l-aħħar film ta’ Rambo

L-attur popolari Amerikan Sylvester Stallone għadu jaħdem il-films u l-aħħar wieħed tiegħu, bl-isem ta’ Reach Me, kellu baġit żgħir u sahansitra kien se jieqaf fil-produzzjoni tiegħu. Il-film kellu joħroġ matul din il-Ħarifa u juri lil Sylvester Stallone jinterpreta l-parti ta’ pittur.

Qed jingħad ukoll li l-aħħar film ta’ Rambo ukoll mistenni jkun l-aħħar wieħed dwar dan il-karattru li tant kiseb popolarita’ lill-attur. Se jkun jismu Rambo: Final Blood, u se jinvolvi lill-attur jinterpreta lil John Rambo għall-aħħar darba. Ir-raġuni li dan se jkun l-aħħar film hi li Stallone iħobb jagħmel l-istunts tiegħu stess, u mhux l-ewwel darba li weġġa’ hu u jiġbed il-films tiegħu stess. Issa Stallone għandu 68 sena, u qed jikber wisq biex jagħmel l-istunts hu stess bħalma kien jagħmel meta kien iżgħar.

Għadu ma ġiex spekulat jekk Rambo hux se jinqatel fil-film, iżda bit-titlu tal-film, hu probabbli li l-karattru jista’ jinqatel fl-aħħar film ta’ Rambo.

Hemm ukoll il-possibbilta’ li jkun hemm serje televiżiva mill-films ta’ Rocky iżda Sylvester Stallone mhux se jkollu l-parti prinċipali, għalkemm se jidher f’xi waqtiet. L-ispettaklu televiżiv jista’ jissemma Creed, bis-sehem tal-attur Carl Weathers fil-parti ta’ Apollo Creed, li jrid ikun megħjun minn Sylvester Stallone fil-parti ta’ Rocky.