Madwar 16,000 persuna ta’ kull eta’ ipparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Ġirja tal-President, avveniment mistenni li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar qed jikseb popolarita’ mal-poplu Malti.
Fil-fatt, din is-sena kienet is-sitt edizzjoni ta’ din il-ġirja, li tiġbor fondi b’risq il-Community Chest Fund, hekk kif din l-edizzjoni tal-Ġirja tal-President attirat iktar minn elfejn ruħ aktar mis-sena li għaddiet.
Dan sar minħabba numru ta’ inizjattivi li ġew imħabbra din is-sena, fejn il-parteċipanti setgħu jagħżlu bejn tlett rotot differenti minbarra dik tradizzjonali li titlaq minn quddiem il-Palazz ta’ Sant Anton f’Ħ’Attard – il-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, Santa Venera u mill-Universita’ ta’ Malta. Il-parteċipanti kollha imbgħad iltaqgħu fil-Blata l-Bajda biex daħlu lkoll flimkien fil-Belt Valletta għal ċelebrazzjoni fi Pjazza San Ġorġ.
Il-Ġirja tal-President saret taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
Preżenti għal din l-attivita’ kien hemm ukoll il-fundatur ta’ din l-attivita’ u President Emeritus Ġorġ Abela, kif ukoll bosta personalitajiet, fosthom l-eks plejer internazzjonali Taljan Toto’ Schillaci, u politiċi miż-żewġ naħat tal-Kamra, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.