Futbol Sport

Valletta fit-tieni post b’wirja brillanti

minn Stewart Said

BOV PREMIER

VALLETTA…..5
MOSTA…………0

Valletta: N. Vella, J. Caruana, I. Azzopardi, S. Borg, R. Camilleri, H. Faria, R. Briffa, L. Elford Alliyu, H. Barry, S. Bajada, A. Nafti
Sost: L. Montebello flok L. Elford Alliyu 57’, L. Dimech flok R. Camilleri 60’, L. Cremona flok I. Azzopardi 72’

Mosta: O. Borg, K. Magro, T. Farrugia, A. Borg, D. Falzon, N. Milovanovic, K. Zammit, M. Micallef, K. Frendo, D. Bueno, B. Kaljevic
Sost: M. Ribeiro dos Santos flok K. Frendo 46’, P. Dos Santos Calcado flok M. Micallef 79’

Skorjaw: S. Bajada 14’, R. Briffa 32’, L. Elford Alliyu 38’, A. Nafti 71’, L. Montebello 89’ (V)
Referee: Chris Lautier
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Hamza Barry (Valletta)
Attendenza: 1172

Valletta kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Mosta faċilment 5-0 u issa qabżu lil Birkirkara fit-tieni post. It-tim Belti kien fil-kmand tal-partita mill-bidu bit-tim Mosti jiddiżappunta u kien id-dell tat-tim Belti.

Il-wirja tal-Beltin ma kinitx tajba biss minħabba r-rebħa, iżda għal kwalità ta’ logħob bil-plejers kollha jibdlu l-pożizzjonijiet tagħhom u jibnu l-attakki tagħhom fuq il-kollettiv.

Għal Mosta kienet wirja li tħassar ir-rebħa kontra Tarxien u l-kowċ Peter Smith għandu biċċa xogħol diffiċli biex jgħolli l-moral tal-plejers.

Il-kowċ Belti Ivan Zammit għamel żewġ bidliet mir-rebħa kontra Żebbuġ Rangers b’Shaun Bajada u Hugo Faria jidħlu f’nofs il-grawnd, b’Ryan Fenech ikun nieqes filwaqt li Raphael Kooh Sohna beda minn fuq il-bank. Min-naħa l-oħra l-kowċ Ingliż Peter Smith għamel ukoll żewġ bidliet b’Dyson Falzon u Kurt Zammit jidħlu flok Ekani u Calcado rispettivament filwaqt li kellu lil Ryan Grech sospiż.

L-ewwel azzjoni waslet fil-11-il minuta b’xutt fil-baxx ta’ Roderick Briffa li Omar Borg salva faċilment. Il-Beltin fetħu l-iskor fl-14-il minuta meta SHAUN BAJADA irċieva mingħand Hamza Barry u b’xutt preċiż fir-rokna għeleb lil Omar Borg.

Valletta setgħu irduppjaw erba’ minuti wara meta Jonathan Caruana għadda lejn Elford Alliyu iżda minn pożizzjoni ideali xxutja barra. Mosta marru viċin fl-ewwel attakk denju fl-20 minuta meta minn free-kick ta’ Dyson Falzon, Vella ħalla l-ballun għaddej għal barra iżda Kaljevic ipprova konklużjoni minn pożizzjoni ferm angolata u Steve Borg biegħed il-periklu.

Il-Beltin irduppjaw fit-32 minuta meta Faria għadda lejn Elford Alliyu li krossja fil-baxx lejn RODERICK BRIFFA li avvanza u quddiem Borg ma sab l-ebda diffikultà jiskorja. Valletta komplew jattakkaw u fil-35 minuta Shaun Bajada krossja lejn Hamza Barry iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu spiċċat fuq il-lasta. Żewġ minuti wara xutt minn barra l-kaxxa ta’ Nafti ġie mdawwar f’korner minn Borg.

Valletta għamluhom tlieta fit-38 minuta meta minn korner ta’ Shaun Bajada, Ian Azzopardi niżżel bir-ras lejn LATEEF ELFORD ALLIYU li mill-viċin skorja.

It-tieni taqsima kompliet fuq l-istess ritmu u fit-53 minuta Abdelkarim Nafti spara għoli. Valletta komplew jiddominaw u ma kinitx sorpriża li skorjaw ir-raba’ gowl fil-71 minuta meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Hugo Faria ġie salvat parzjalment minn Omar Borg u mir-rebound ABDELKARIM NAFTI skorja b’xutt b’saħħtu.

Fil-85 minuta Hamza Barry ukoll ipprova jniżżel ismu fost l-iskorers iżda Borg salva x-xutt fil-baxx. Il-Beltin għalqu l-partita bil-ħames gowl meta Nafti krossja lejn LUKE MONTEBELLO li f’darbtejn irnexxilu jegħleb lil Borg.