Internazzjonali Kurżitajiet

Baraxx ta’ kritika kontra Bob Geldof

Hu fatt li l-verżjoni l-ġdida tad-diska “Do They Know It’s Christmas?” laħqet il-quċċata tal-klassifika mużikali fir-Renju Unit. Iżda huwa fatt ukoll li fl-aħħar ġranet il-moħħ wara dan il-proġett, Sir Bob Geldof, spiċċat ibbumbardjat bi kritika għall-fatt li din id-diska li saret oriġinarjament 30 sena ilu m’għadiex daqstant relevanti għal-lum.

Dan qed jgħiduh diversi kantanti, personalitajiet famużi, ċelebritajiet televiżivi, u anke saħansitra membri Parlamentari Ingliżi li kritikaw il-lirika użata f’din il-kanzunetta.

Ħafna kantanti qed jgħidu li l-kliem tad-diska huma “offensivi”. Għal oħrajn, il-lirika saret “antika ferm” filwaqt illi l-kanzunetta “issaħħaħ l-isterjotipi negattivi” kontra l-pajjiżi tal-Afrika.

Lily Allen u Emeli Sande huma wħud mill-kantanti li kritikaw dan il-proġett ta’ Geldof (li llum għandu 63 sena) – inizjattiva li biha għandhom jinġabru fondi għall-pajjiżi milquta bil-virus tal-Ebola. Allen qalet “nippreferi nuri karita’ b’donazzjonijiet ta’ flus milli nintefa’ nkanta ma’ qatta’ nies bħal dawk”.

Fost il-kantanti li ma pparteċipawx f’din il-kanzunetta kien hemm anke Adele, li ma laqgħetx l-istedina ta’ Geldof għar-recording tad-diska.

F’ġimgħa biss, inbiegħu 312,000 kopja tas-single “Do They Know It’s Christmas?” Fil-kanzunetta ħadu sehem fost l-oħrajn Bono, Paloma Faith, Ed Sheeran, u Rita Ora.