Fi stqarrija pubblikata minn hawn u ftit ilu, il-Prim Ministru ħabbar li ħatar Bord ta’ Inkjesta indipendenti magħmul minn tliet eks-ġudikanti biex jinvestigaw allegazzjonijiet f’konnessjoni mal-każ ta’ sparatura li fiha kien hemm involut membru tal-Korp tal-Pulizija.
Il-bord, maħtur skont l-Att tal-Inkjesti, se jitmexxa mill-Imħallef Emeritu Alberto Magri. Il-membri se jkunu l-Imħallfin Emeriti J D Camilleri u Philip Sciberras.
Fl-istqarrija ntqal li l-għan ta’ din l-inkjesta huwa li tinvestiga l-aġir jew kondotta tal-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali Emmanuel Mallia u/jew uffiċjali oħra f’konnessjoni mal-każ li kien involut fih membru tal-Korp tal-Pulizija assenjat mal-Ministeru de quo nhar id-19 ta’ Novembru, 2014.
B’mod partikolari, iżda mhux biss, il-Bord tal-Inkjesta għandu jiddetermina jekk kienx hemm involviment mhux leċitu min-naħa tal-Ministru Manwel Mallia u/jew uffiċjali oħra fil-każ imsemmi, jekk l-allegazzjoni li l-Ministru intervjena biex jgħatti l-aġir ta’ din il-persuna hix minnha jew le u kwalunkwe kwistjoni oħra li b’xi mod tolqot l-aġir jew kondotta tal-Ministru Mallia.
Fl-istqarrija ntqal li r-rapport finali għandu jasal għand il-Prim Ministru fi żmien ħmistax-il ġurnata, mil-lum.
Il-Partit Nazzjonalista, min-naħa tiegħu, fi stqarrija talab għar-riżenja ta’ Manwel Mallia minn Ministru, minħabba li din m’għadhiex tenibli. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, appella lil Prim Ministru Joseph Muscat biex jerfa’ r-responsabbilta’ politika għal dak li ġara u jieħu l-azzjoni neċessarja hu, minflok jixħet ir-responsabbilta’ fuq bord tal-inkjesta.
//= $special ?>