Internazzjonali

Eluf ta’ barranin qed imorru jiġġieldu l-Libja

Eluf ta’ barranin qed imorru l-Libja biex jissieħbu ma’ grupp jew ieħor fil-ġlied li qed jifni l-pajjiż.
Skont il-ġurnalist Libjan Ali Kasih, hu stmat li hemm mas-6,000 barrani jiġġieldu fil-Libja. Hu qal ukoll li issa kien intilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u kien hemm periklu kbir li dan jinfirex lil hinn mill-fruntieri Libjani u jista’ anki jhedded lill-Eġittu.
Kasih qal li dawn il-ġellieda barranin komplew kabbru u kkumplikaw is-sitwazzjoni fil-Libja
Hekk kif barranin qed imorru għall-ġlied, ħafna Libjani qed jaħarbu minn pajjiżhom minħabba dan il-ġlied. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, minn Ottubru aktar minn 100,000 Libjan ħarbu minn djarhom.
Adrian Edwards, kelliem għall-UNHCR, qal li minn mindu f’Mejju sploda l-ġlied fil-Libja, hu stmat li 393,420 Libjan spiċċaw refuġjati f’pajjiżhom stess.. Edwards qal li dawn huma mifruxa f’madwar 35 belt u għandhom bżonn urġenti ta’ kenn, kura medika u ikel u affarijiet bażiċi oħra.
Apparti dan hu stmat li madwar żewġ miljun Libjan ħarbu minn pajjiżhom minħabba l-ġlied.
Kasih qal li l-inizjattivi kollha għal soluzzjoni fil-Libja s’issa fallew għaliex il-militanti Iżlamiċi m’huma qed juru ebda ħjiel li jridu xi kompromess. Dan apparti nuqqas ta’ qbil bejn il-forzi li qed jiġġieldu kontrihom dwar pożizzjoni komuni.