Lokali

Ħin il-Mistoqsijiet: Għajjat, interruzzjonijiet u ftit li xejn mistoqsijiet

Ħin il-Mistoqsijiet fis-seduta Parlamentari tal-lejla kien ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ mistoqsijiet u ħafna għajjat u interruzzjonijiet. Wara l-ewwel Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Claudette Buttigieg lill-Ministru Leo Brincat dwar in-numru ta’ telefons ċellulari mħallsin mill-Gvern għalih u għas-Segretarjat tiegħu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Carmelo Abela staqsa domanda supplimentari li fiha staqsa lill-Ministru Brincat figura specifika għal żmien speċifiku fl-amministrazzjoni preċedenti. Min-naħa tiegħu il-Ministru Leo Brincat kellu l-figuri lesti  u seta’ jwieġeb fid-dettall u b’mod speċifiku għal din il-mistoqsija supplimentari.

F’dan il-ħin, id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qajjem point of order dwar l-iskop wara l-mistoqsijiet supplimentari min-naħa tal-Gvern li għalihom il-Ministri qed ikunu diġa’ preparati, bil-Ministru jiċħad li qed jaħli l-ħin tal-Mistoqsijiet.

It-tieni u l-aħħar Mistoqsija Parlamentari saret mid-Deputat Jason Azzopardi lill-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Manwel Mallia. Eżatt wara iqum mill-ġdid il-Whip tal-Grupp Laburista Carmelo Abela li f’mistoqsija supplimentari talab lill-Ministru Mallia biex “jikkummenta” dwar l-inċident li ġara u jgħid f’hiex waslu l-affarijiet.

Il-Ministru Mallia beda b’diskors dwar kif kien dispjaċut għall-inċident ta’ nhar l-Erbgħa u qatt ma stenna li persuni ta’ fiduċja tiegħu kienu se jaslu sa hawnhekk. Hawnhekk il-Viċi Kap tal-PN għall-ħidma Parlamentari Mario de Marco qajjem point of order fejn sostna li l-Ministru jista’ jagħmel stqarrija ministerjali iktar tard u m’għandux jieħu ħin il-Mistoqsijiet biex jaħrab mir-responsabbilta’ ministerjali li jwieġeb għall-Mistoqsijiet Parlamentari. Id-Deputat Speaker Ċensu Galea stieden lill-Ministru Mallia biex iwieġeb id-domanda iżda jkun fil-qosor.

Il-Ministru Manwel Mallia kompla li hu mhux l-ewwel wieħed li kellu skorta armata u semma l-Ministru Guido de Marco li kien Ministru tal-Intern wara l-elezzjoni ġenerali tal-1987. Id-Deputat Mario de Marco qajjem point of order ieħor u staqsa jekk il-Ministru Mallia tgħallimx mill-Ministru Guido de Marco li qatt ma kellu jagħmel cover-up. Staqsa wkoll min ordna l-karozza titneħħa fuq il-post u min ordna li l-media tiġi żvijjata.

Hawnhekk saru diversi interruzzjonijiet bid-Deputat Speaker Ċensu Galea jhedded li jissospendi l-Kamra. Eventwalment il-Ministru Manwel Mallia kompla li persuni oħra kellhom skorta armata u semma l-President Emeritus Eddie Fenech Adami, l-eks Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea Richard Cachia Caruana u l-artikolista Daphne Caruana Galizia.  Hu ċaħad li pprova jagħmel cover-up jew ta’ ordni li jsir cover-up. Hu tenna li jekk fl-inkjesta jinsab li xi ħadd mill-Ministeru tiegħu ipprova jagħmel cover-up se jitlob ir-riżenja tiegħu. Manwel Mallia kompla li mhux se jħalli lill-Moviment Laburista jmur lura għas-snin 80 għaliex hu kien il-persuna li ttratta d-difiża ta’ Pietru Pawl Busuttil, kiteb id-daħla tal-ktieb Liberta’ Mhedda u kien preżenti f’Tal-Barrani. Il-Ministru Mallia ikkonkluda li filwaqt li jifhem li l-Oppożizzjoni trid rasu fuq platt, il-poplu jaf li ma kellu x’jaqsam xejn u ma kellu x’jaqsam xejn mal-każ u ma ordna ebda cover-up.