Ewropa Internazzjonali

Il-kumpannija Beko immultata għall-cookers perikolużi

Il-kumpannija Torka, Beko, kienet immultata aktar minn 87,659 lira Sterlina fir-Renju Unit wara li ammettiet li, għal erba’ snin sħaħ, naqset milli tinforma lill-awtoritajiet li eluf ta’ cookers tagħha kellhom potenzjal ta’ periklu u fost oħrajn setgħu wasslu għal każi ta’ avvelenament bil-carbon monoxide.

Il-kumpannija Beko ilha taf mill-2009 li 23 mudell ta’ cooker differenti minn tagħha kienu jipproduċu gass mill-grill li jista’ jkun fatali għan-nies. Dan f’każ li l-cookers jintużaw taħt ċirkostanzi partikolari.

Ingħad li l-kumpannija inkwistjoni — li l-kwartieri ‘Britanniċi’ tagħha jinsabu f’Watford, f’Hertfordshire — kienet taf dwar is-sogru potenzjali f’każi fejn il-cookers ikunu kkonvertiti għall-użu bil-gass LPG. Madankollu, il-kumpannija ma infurmatx lill-awtorita tal-Hertfordshire County Council Trading Standards qabel Awwissu tal-2013 u wara li l-ITV News kien mexxiet investigazzjoni speċifika.

Andrew Mullen, il-Quality Manager ta’ Beko għar-Renju Unit u l-Irlanda, ammetta li l-kumpannija naqset fl-obbligu tagħha li tinnotifika lill-awtoritajiet dwar is-sogru potenzjali għan-nies.

Hu stmat li mietu diġa ħames persuni u bl-appliance inkwistjoni qed ikun implikat ‘fil-mewt ta’ mill-anqas għaxar persuni’.

Ir-regolamenti tas-sigurta jesiġu biex kumpannija tinforma lill-awtorita lokali dwar problemi li jinvolvu l-prodotti tagħha u ladarba din il-kumpannija ssir taf bihom.

Wara s-smigħ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, f’Watford, il-kumpannija Beko ikkonfermat li 23 mudell ta’ cooker — ilkoll prodotti qabel l-2009 — instabu li kien fihom element ta’ periklu potenzjali ladarba jkunu kkonvertiti għall-użu bil-LPG u f’sitwazzjonijiet fejn il-bibien ma jkunux miftuħa.

S’issa instabu aktar min-nofs tal-2,320 converter kit ipprovduti lill-familji minn Beko — bin-nies inkwistjoni jkunu infurmati dwar il-perikli assoċjati mal-appliances tal-kċina inkwistjoni.

Il-cookers fil-kwistjoni m’għadux jinbiegħ. Madankollu, fadal mat-836 mudell li ma jafux x’sar minnhom mindu nxtraw.

Aktar informazzjoni dwar il-cookers perikolużi tinstab hawn.