Lokali

Il-laqgħat tal-Ambaxxatur Malti fi Tripli mat-tmexxija ta’ Tripli ma sarux fuq struzzjonijiet tal-Ministeru

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru George Vella qal li sar jaf li Mahdi El-Harati, is-Sindku l-ġdid ta’ Tripli mfittex internazzjonalment dwar terroriżmu, kien Malta iżda safejn jaf hu ma saru l-ebda laqgħat uffiċjali miegħu. Ġorġ Vella sostna li l-laqgħat li Mannie Galea, l-Ambaxxatur ta’ Malta għal Tripli, kellu fi Tripli kemm ma’ El-Harati u ma’ Uffiċjali Għolja tal-Gvern illeġittimu ta’ Tripli ma sarux fuq struzzjonijiet tal-Gvern Malti.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin qal li kien minħabba f’hekk li l-Ambaxxatur Malti ssejjaħ lura minn Tripli biex isir eżerċizzju ta’ konsultazzjoni miegħu dwar il-laqgħat, fid-dawl tal-fatt li b’konformità ma’ dak li qed jgħidu n-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea, s’issa l-Gvern Malti jirrikonoxxi lill-Gvern legali stabbilit f’Tobruk. Qal li fid-dawl tal-konsultazzjonijiet li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qed jagħmel ma’ Mannie Galea għadu jrid jiddeċiedi dwar il-futur tiegħu, jiġifieri jekk il-pożizzjoni tiegħu wara dawn il-laqgħat hijiex tenibbli jew le.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Vella tkellem mal-ġurnalisti dwar l-aħħar żviluppi ta’ tmiem il-ġimgħa meta l-Gvern Malti sejjaħ lura f’pajjiżna lill-aħħar żewġ Diplomatiċi Maltin fl-Ambaxxata fi Tripli minħabba dak li qed jiġri fil-Libja u l-pressjonijiet fuq il-Gvern Malti. Hu mifhum ukoll li dawn issejħu lura wkoll minħabba l-pressjoni fil-media lokali meta kienu żvelati rapporti ta’ laqgħat li l-Ambaxxatur Malti fil-Libja Mannie Galea kellu dan l-aħħar ma’ Mahdi El-Harati u ma’ Uffiċjali Għolja tal-Gvern illegali bbażat fi Tripli.

Ġorġ Vella ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet ta’ MaltaRightNow.com dwar jekk inħariġx xi permess għal residenza f’Malta lil El-Harati billi talab lill-ġurnalisti biex jistaqsu dwar dan lill-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Mistoqsi wkoll dwar il-feruti Libjani li qed jinġiebu Malta, Ġorġ Vella qal li l-Gvern Malti jaf tajjeb min huma dawn il-persuni u jekk fl-Isptar qed jingħataw numru minflok isem, dan qed isir għas-sigurtà tagħhom.

Madankollu, esprima t-tħassib tiegħu dwar x’se jiġri b’dan is-servizz umanitarju ladarba ngħalqet l-Ambaxxata Maltija fi Tripli. Dwar l-Ambaxxata Libjana f’Malta, qal li mhux eskluż li hemm rappreżentanti mhux biss tal-Gvern Leġittimu Libjan, iżda wkoll oħrajn li jissimpatizzaw mal-gvern stabbilit fi Tripli.