Lokali

FILMAT: Il-Prim Ministru ma jafx fi x’ħin ġie infurmat bl-isparatura mix-xufier ta’ Manwel Mallia

Ma jafx l-anqas min qal lid-DOI biex toħroġ stqarrija l-Erbgħa filgħaxija

Il-Prim Ministru ta’ Malta ma jafx fi x’ħin ġie infurmat bl-isparatura li saret mill-xufier tal-Ministru Manwel Mallia l-Erbgħa filgħaxija.

Joseph Muscat kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet taħt it-tinda f’Pjazza San Ġorġ, eżattament wara li ntemm id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Mistoqsi minn IN-NAZZJON fi x’ħin ġie infurmat li seħħet sparatura minn xufier ta’ Ministru tal-Kabinett tiegħu stess, Joseph Muscat wieġeb li ma jiftakarx.

Mistoqsi wkoll min bagħat l-informazzjoni li d-Dipartiment tal-Informazzjoni, biex din setgħet toħroġ stqarrija l-Erbgħa filgħaxija stess, il-Prim Ministru wieġeb li ma jafx għax hu mhuwiex “impjegat tad-Dipartiment tal-Informazzjoni”.

Fl-aħħar jiem ħareġ li l-istarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Erbgħa filgħaxija kienet waħda li ma rriflettietx dak li seħħ fil-verita’ għax fiha intqal li ġew sparati tiri fl-ajru. Dan wassal biex l-Oppożizzjoni qalet li dan kien każ ta’ ‘cover-up’ biex tinħeba l-verita’.

Il-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jafx la fix-ħin ġie infurmat bil-każ tal-isparatura, u l-anqas min bagħat l-informazzjoni skorretta lid-Dipartiment tal-Informazzjoni jkompli jqajjem dubji u mistoqsijiet dwar dak li l-Oppożizzjoni qed issejjaħ “cover-up” mill-Ministru Manwel Mallia.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, Il-Prim Ministru ma kienx l-anqas kapaċi jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-każijiet ta’ nepotiżmu u klijenteliżmu li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil semma fid-diskors tiegħu fil-Parlament.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Prim Ministru bil-għan li jagħti r-reazzjoni tiegħu għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. Madanakollu, meta l-ġurnalisti staqsew lill-Prim Ministru dwar il-każi ta’ nepotiżmu u l-klijenteliżmu li semma Simon Busuttil fid-diskors tiegħu, Joseph Muscat ħarab milli jwieġeb u qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni “wera li ma jifhimx fl-ekonomija”.