Lokali

L-aħħar żewġ diplomatiċi fl-Ambaxxata Maltija jaslu lura Malta

L-aħħar żewġ diplomatiċi li kienu għadhom qed imexxu l-Ambaxxata Maltija fi Tripli ġew mitluba jirritornaw Malta. Huma waslu l-Ħadd waranofsinhar.

Fi stqarrija l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li l-ġimgħa li għaddiet, il-Ministeru talab lill-Ambaxxatur Malti għal-Libja biex jirritorna Malta għal “konsultazzjoni politika”.

L-istqarrija tgħid li fi stqarrija oħra li ħarġet fis-17 ta’ Novembru 2014, intqal li l-awtoritajiet Maltin qatt ma kienu se jidħlu fl-affarijiet interni tal-Libja. Il-Ministeru min-naħa l-oħra, jgħid li l-Ambaxxata Maltija fi Tripli u d-diplomatiċi Maltin ġew suġġetti għall-pressjoni politika fl-aħħar jiem.

L-istqarrija tgħid li d-diplomatiċi Maltin kienu mwissija b’mod uffiċjali mill-gvern ta’ Tobruk biex ma jikkomunikawx mal-Parlament fi Tripli. Dan fl-istess waqt li rappreżentati fil-Parlament ta’ Tripli bdew jaghmlu l-pressjoni fuq id-diplomatiċi u l-awtoritajiet Maltin biex jirrikonoxxu l-gvern ta’ Tripli.

Dan wassal biex l-awtoritajiet Maltin ma kellhomx ohra hlief li jġibu lura liż-żewġ diplomatiċi Maltin.