Rapporti esklussivi pubblikati mill-gazzetta il-mument u mill-ġurnal In-Nazzjon wasslu biex il-Gvern Malti għalaq l-Ambaxxata ta’ Malta fi Tripli u ordna li l-aħħar żewġ diplomatiċi li kien hemm f’din l-Ambaxxata jirritornaw immedjatament Malta.
Din l-ordni ngħata wara li nhar is-Sibt li għadda In-Nazzjon ippubblika rapport ieħor esklussiv li fih fisser kif l-Ambaxxatur ta’ Malta għal-Libja Mannie Galea wara li ftit tal-ġimgħat ilu kellu laqgħa ma’ Mahdi El-Harati, is-Sindku l-ġdid ta’ Tripli iżda li hu mfittex internazzjonalment dwar każi ta’ terroriżmu, issa ltaqa’ wkoll mat-tmexxija tal-Gvern illeġittimu li jinsab stabbilit fi Tripli.
Nifhmu li l-Gvern Malti, invista ta’ dan ix-xenarju kien qiegħed ikollu pressjoni mill-Gvern leġittimu Libjan bażat f’Tobruk mhux biss biex jirtira lill-Ambaxxatur ta’ Malta Mannie Galea, imma wkoll biex jagħlaq l-Ambaxxata Maltija fi Tripli u minflok jiftaħ rappreżentanza f’Tobruk.
In vista tal-pressjoni kemm mill-Gvern Libjan kif ukoll tar-rapport svelati fil-media, il-Ministeru tal-Affrijiet Barranin Malti ilbieraħ ħareġ stqarrija u ħabbar li kien qiegħed jirtira l-aħħar żewġ diplomatiċi Maltin mill-Ambaxxata fi Tripli “minħabba li dawn ġew soġġetti għal pressjoni politika fl-aħħar jiem.”
Sadattant minn hawn u ftit tal-ħin ieħor George Vella, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Ministeru fil-Belt Valletta.
//= $special ?>