Lokali

Muscat għandu jaġixxi ta’ Prim Ministru għax il-pożizzjoni ta’ Manwel Mallia m’għadhiex tenibbli – il-PN

Joseph Muscat għandu jaġixxi ta’ Prim Ministru, hekk kif il-pożizzjoni tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia m’għadhiex tenibbli. Sostna dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha elenka informazzjoni importanti li ħarġet fil-media u li turi li kien hemm attentat ta’ cover-up b’rabta mal-isparatura mix-xufier ta’ Manwel Mallia.

Beppe Fenech Adami spjega li ftit minuti wara l-inċident inħarġet stqarrija mill-Ministeru ta’ Mallia, li kienet mibnija fuq gidba. Sostna li l-Ministru għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għal dan. Irrefera wkoll ghall-informazzjoni fil-media, li tgħid li fil-ħin tal-inċident il-Ministru Mallia kien fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-preżenza tal-Aġent Kummissarju tal-Pulizija u għalhekk kien f’dak il-waqt li daħlet l-informazzjoni dwar l-inċident għand il-Pulizija.

Il-Viċi Kap tal-PN irrefera wkoll għall-fatt li ntbagħat low loader fil-post biex tneħħiet il-karrozza milquta mit-tiri sparati mix-xufier ta’ Manwel Mallia u għalhekk tneħħew oġġetti ta’ prova mix-xena tad-delitt. B’hekk, dak li seħħ wara l-inċident hu attentat gravi ta’ cover-up, sostna Beppe Fenech Adami. Hu spjega wkoll li l-attentat ta’ cover-up kompla l-għada tal-inċident meta l-Ministru Mallia kellu kliem ta’ tifħir għax-xufier tiegħu fil-preżenza tal-media.

Fil-konferenza tal-aħbaraijiet tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi, li spjega li l-obbligu tal-Pulizija hu li tiġbor kull prova favur jew kontra minn xena ta’ delitt. Spjega li f’dan il-każ hu ċar li kien hemm intenzjoni li jsir cover-up, hekk kif il-ħwejjeġ tax-xufier ta’ Manwel Mallia ma ġewx eżaminati għall-gunshot residue. Anke l-karrozza tal-Ministru ma ġietx issekwestrata u għalhekk anke fuq din ma sarx eżami għall-gunshot residue. Konsegwenza ta’ dan, il-karrozza baqgħet fit-triq, bil-possibbiltà li titneħħa kull prova tad-delitt minnha.

Jason Azzopardi spjega wkoll li x-xufier ġie rrilixxat dak il-lejl stess tal-inċident u kien biss xi s-6pm tal-għada li dan intalab jirrapporta għand il-Pulizija. Għaldaqstant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni staqsa għaliex ġie interrott l-arrest tax-xufier ta’ Manwel Mallia u għaliex intbagħat malajr il-low loader qabel l-inkjesta maġisterjali. Qal li dan kollu juri li kien hemm attentat ta’ cover-up u proċess kriminali li ġie mittiefes. Spejga li l-Kodiċi Kriminali jistipula li hu delitt li provi jiġu supressi, imbagħbsa jew mħassra.