Lokali

Ix-xufier tal-Ministru Mallia imġiegħel jigdeb li spara fl-arja

F’telefonata li kellu immedjatament wara li spara ż-żewġ tiri fid-direzzjoni tal-karozza li kienet laqtet lil dik tal-Ministeru – il-GM14 – il-kuntistabbli Paul Sheehan, li hu x-xufier tal-Ministru Manuel Mallia, allegatament ingħadlu biex jigdeb u jgħid li t-tiri li spara hu kienu fl-arja u li kienu biss tiri ta’ twissija.

IN-NAZZJON illum qed jirrapporta illi l-persuna li tkellmet mal-kuntistabbli Paul Sheehan qallu biex meta mistoqsi mill-Pulizija li se jaslu fil-post tar-reat, hu jgħidilhom li kien spara ż-żewġ tiri fl-arja u bi twissija biex is-sewwieq l-ieħor jibża’ u jieqaf, u ma jgħid qatt li kien immira lejn il-karozza tas-sewwieq l-ieħor u jispara fid-direzzjoni tagħha.

Sorsi għolja fil-Gvern li fis-sigħat li għaddew tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li l-persuna li ta dawn il-pariri lix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia allegatament hu uffiċjal għoli fil-Ministeru.

Qalulu biex jigdeb u jgħid li t-tiri li spara hu kienu fl-arja u li kienu biss tiri ta’ twissija

Nifhmu li waqt l-inċident serju ħafna ta’ nhar l-Erbgħa billejl il-Ministru Manuel Mallia, li kien għal okkażjoni soċjali fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, kien infurmat ukoll b’dak kollu li kien qiegħed jiġri. Fis-sens li x-xufier tiegħu, waqt li mar jiekol għand ommu fil-Gżira, xi ħadd, bil-karozza, laqatlu l-karozza tal-Ministeru u dan ħareġ biex jara x’kien ġara. Minħabba li min laqatlu l-karozza baqa’ sejjer, ix-xufier tiegħu saq warajh u laħqu ftit ’il bogħod f’kantuniera.

Hemmhekk iż-żewġ sewwieqa niżlu mill-karozza u argumentaw bejniethom, bix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia jkollu f’idejh pistola Glock u fl-id l-oħra mobile li bih beda jitkellem ma’ terzi. F’mument minnhom ix-xufier l-ieħor reġa’ rikeb il-karozza għax imbeżża’ bil-pistola fl-id tax-xufier tal-Ministru Manuel Mallia, u pprova jerġa’ jaħrab, iżda hawnhekk Paul Sheehan ġera ftit warajh, ipponta l-pistola lejn il-karozza u spara fid-direzzjoni tagħha żewġ tiri li fil-fatt laqtuha.

Immedjatament wara reġa’ rikeb hu wkoll fil-karozza tal-Ministru GM14 u saq għal wara dik li wara rriżulta li kienet misjuqa minn Stephen Smith, Skoċċiż residenti f’Malta.

Kien taħt il-mina fil-viċinanzi Tal-Qroqq li l-Pulizija tal-RIU interċettaw liż-żewġ karozzi u hawn, ftit tal-ħin biss wara, seħħ żball ieħor maħsub – dik li xi ħadd, probabbilment l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit (iżda hu qiegħed jiċħad li għamel dan) ta ordni biex il-karozza milquta titgħabba fuq il-lowloader tal-Pulizija.

Dan kien żball enormi li l-persuna warajh – hu min hu – għandu jkun identifikat u mġiegħel jirriżenja għax qatt xena ta’ reat ma għandha tkun ikkontaminata sakemm issir l-Inkjesta Maġisterjali.
Fil-fatt meta l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras waslet fil-post sabet il-karozza diġà mgħobbija fuq il-lowloader.

Dwar dan kollu lbieraħ il-Ħadd In-Nazzjon tkellem bit-telefon ma’ espert anzjan tal-Qorti u staqsieh dwar jistax xi ħadd jagħti ordni biex xena ta’ reat tintmess. Dan l-espert, li ma xtaqx li ismu jkun żvelat, fisser li għall-ebda ċirkostanza xi ħadd ma jista’ jagħti ordni bħal din qabel ma l-Inkjesta tal-Maġistrat tkun eżawriet għalkollox ix-xogħol tagħha minn fuq l-istess xena tar-reat.

Hu qal li ġieli kien hemm inkjesti li saru f’residenzi u minħabba li l-inkjesta ma tkunx konkluża, dak il-post jibqa’ ssiġillat għal numru ta’ jiem jekk mhux ġimgħat.