Lokali Qorti

Aġġornata : Ix-xufier tal-Ministru se jitressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil

Paul Sheehan, ix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia li l-Erbgħa li għadda spara fil-pubbliku lejn vettura privata, mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin akkużat b’attentat ta’ qtil b’rabta mal-isparatura fil-Gżira. Kellha tkun l-insistenza tal-media lokali fuq il-Gvern fil-jiem li għaddew biex Sheehan jitressaq il-Qorti wara l-kxif tal-cover-up li pprova jagħmel il-Ministeru tal-Intern.

Sagħtejn wara li seħħet l-isparatura l-Erbgħa filgħaxija, il-Ministeru tal-Manwel Mallia ħareġ stqarrija li fiha ddeskriva l-inċident bħala “hit and run” u li l-isparaturi kienu biss tiri ta’ twissija. Fl-istess waqt, il-karozza tal-vittma, l-Iskoċċiż Stephen Morrison Smith, kienet diġà ttellgħet fuq il-low loader minkejja li lanqas biss kienet għadha waslet fil-post il-Maġistrat tal-għassa.

Dan kollu seta’ jiġi żvelat biss mill-ġurnalisti li mill-post bdew jiġbdu filmati u ritratti ta’ dak kollu li ġara għax li kien għall-Ministeru tal-Intern dan kollu kien jinħeba. Il-Gvern deher li ried jaħbi il-fatt li t-tiri ma kienux sparati fl-ajru, iżda fid-direzzjoni tal-Pulizija u l-mossa li l-karozza kienet se titneħħa ta’ malajr turi l-paniku li l-Gvern inqabad fih.

L-aħbar dwar l-arrest ta’ Paul Sheehan waslet minn sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija. Madankollu, u kuntrarju għall-prassi, s’issa l-Pulizija għadha ma avżatx lill-media li se tkun qed tressaq quddiem il-Qorti persuna li tkun involuta f’każi partikolari li jkunu ta’ interess pubbliku. Mhux magħruf x’qed iżomm lill-Pulizija milli jinformaw lill-pubbliku dwar dan l-arrest.