Lokali

Xogħol illegali fl-Eden Arena?

L-iżvilupp kbir li seħħ fl-aħħar xhur fl-Eden Arena f’San Ġiljan allegatament sar mingħajr il-permessi meħtieġa min-naħa tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Il-Grupp Eden Leisure wettaq żvilupp mill-qiegħ f’din l-arena li xi darba kienet tintuża għal skiing fuq is-silġ. Issa, il-grupp immexxi mill-familja De Cesare investa miljuni kbar biex ibiddel dan il-post f’ċentru aċċessibbli għall-konferenzi u avvenimenti ta’ din ix-xorta.

IN-NAZZJON illum irrapporta li De Cesare bena diversi kmamar għall-konferenzi fis-sala ewlenija, kmamar għal xandiriet awdjo-viżivi, u nbnew ukoll kmamar għall-ġurnalisti. F’dan ix-xogħol ħadmu numru ta’ kuntratturi varji, u sar anke xogħol ta’ suffitti u gypsum.

B’hekk, issa din is-sala f’San Ġiljan inbidlet f’ċentru ġdid li jkun jista’ jospita l-konferenzi, u x-xogħol maġġuri kellu jkun lest sal-aħħar tas-sena.

Minkejja li dan huwa xogħol maġġuri u li wassal għal bidliet infrastrutturali enormi fil-post, jidher li Eden Leisure Group mhumiex koperti mill-permessi neċessarji tal-MEPA.