Internazzjonali Knisja Unjoni Ewropea

RITRATTI: Ma nistgħux nibqgħu nippermettu li l-Mediterran ikun ċimiterju – il-Papa Franġisku fil-Parlament Ewropew

Ma nistgħux nippermettu li l-Mediterran ikun ċimiterju ta’ umani li jitilfu ħajjithom waqt li jippruvaw isibu tama għal ħajjithom. Hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tiżgura li l-immigranti wkoll ikollhom dinjità. Kien dan wieħed mill-messaġġi ewlenin tal-Papa Franġisku waqt diskors ta’ tama u inkoraġġiment liċ-ċittadini Ewropej fl-indirizz tiegħu lill-Parlament Ewropew ta’ Strasburgu.

F’dan l-indirizz storiku, hekk kif għall-ewwel darba f’26 sena l-Kap tal-Knisja Kattolika żar u ndirizza lill-Membri Parlamentari Ewropej, il-Papa Franġisku enfasizza fuq il-bżonn li jiġu rispettati d-drittijiet umani u d-dinjità tal-bniedem. Biex dan isir, il-Papa qal li trid tkun salvagwardjata l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà reliġjuża, l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni.

Il-Papa qal li jekk verament irridu nippromwovu d-dinjità, irid ikun żgurat li kull ċittadin ikollu xogħol biex ikun jista’ jgħix, imantni lilu nnifsu bl-aktar affarijiet bażiċi u b’hekk jakkwista d-dinjità. Semma’ kif aktar ma jgħaddi ż-żmien qed jara l-marda tas-solitudni, speċjalment fost l-anzjani. Min-naħa l-oħra, jekk għandek ħajja ta’ lussu taf spiss tkun indifferenti lejn il-problemi soċjali.

Fl-indirizz tiegħu, il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz qal li kliem il-Papa Franġisku għandu tifsira importanti u li jolqot lil kull ċittadin Ewropew fid-dawl tal-isfidi li fl-aħħar snin iffaċjat l-UE. Schulz qal li l-Papa hu eżempju li jista’ jgħin lill-UE tissaħħaħ u tiġġedded wara li fl-aħħar snin kienu ħafna dawk li tilfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħha.

Iż-żjara ta’ Papa Franġisku fi Strasburgu kienet waħda qasira, fejn mill-Ajruport baqa’ sejjer dritt lejn il-Parlament Ewropew. Hemm, hu ntlaqa’ mill-President Schulz b’ċerimonja ta’ merħba fejn indaqqew l-innijiet ta’ Franza u l-Vatikan, filwaqt li ttellgħu l-bnadar rispettivi. Wara ċ-ċerimonja, il-President Schulz introduċa l-Papa lill-membri tal-Bureau u tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew. Wara d-diskors tiegħu u ż-żjara fil-Parlament, il-Papa żar ukoll il-Kunsill tal-Ewropa.

L-aħħar darba li Papa żar il-Parlament Ewropew fi Strasburgu kien 26 sena ilu meta Ġwanni Pawlu II indirizza l-Parlament fil-11 ta’ Ottubru 1988, sena biss qabel il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin.

Żjara kontroversajali għal uħud

Iż-żjara tal-Kap tal-Knisja Kattolika qanqlet ukoll kritika, hekk kif xi MEPs, ewlenija fosthom Sofie Veld u Virginie Roziere f’email li bagħtu lil Martin Schulz u lill-MEPs l-oħra kkritikaw il-format tal-indirizz tal-Papa. Huma ddeskrivewh l-indirizz bħala monologu u mhux dibattitu miftuħ. Sostnew ukoll li l-Parlament Ewropew hu sekulari u m’għandux ikun indirizzat minn mexxejja reliġjużi.

Iż-żjara kienet ukoll fil-mira ta’ kampanja mill-grupp femminista radikali FEMEN, li f’filmat li ttella’ fuq YouTube, grupp ta’ erba’ nisa b’sidirhom barra u membri tal-FEMEN saħansitra dehru jaħtfu Qassis. Probabilment, il-filmat hu finta, iżda sar biex jattira l-attenzjoni internazzjonali għall-kampanja tal-grupp kontra ż-żjara tal-Papa.

Ilbieraħ ukoll, lejliet iż-żjara, membri tal-FEMEN ipprotestaw quddiem il-Kattidral ta’ Strasburgu, b’waħda min-nisa neżgħet b’sidirha barra fil-Kattidral stess. Filwaqt li bdiet ixxejjer bandiera tal-UE, hi għajtet slogans, fosthom li “il-Papa mhux politikant”.

Sigurtà kbira madwar iż-żjarat tal-Papa

Minn Strasburgu, il-Papa Franġisku mistenni jmur it-Turkija għal żjara ta’ tlett ijiem, bejn it-28 u t-30 ta’ Novembru, wara stedina mill-President Recep Tayyip Erdoğan. Imbagħad, bejn it-12 u d-19 ta’ Jannar, il-Kap tal-Knisja Kattolika mistenni jżur Sri Lanka u l-Filippini.

Dawn iż-żjarat qed isiru fost sigurtà stretta minħabba l-biża’ li l-Papa jista’ jkun fil-mira tal-grupp ISIS. Minkejja li matul il-ġimgħa, l-awtoritajiet tal-Vatikan ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet, il-Gvern Taljan żied is-sigurtà madwar il-pajjiż, hekk kif qed tkompli tinġabar informazzjoni dwar il-grupp terroristiku li aktar ma jmur qed jikber u jinfirex.