Lokali

Filmat: Proposta biex jitnaqqas it-traffiku

Fid-diskors tal-baġit 2015 tal-ġimgħa l-oħra, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Gvern se jkun iniedi l-konsultazzjoni permezz ta’ White Paper dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskejjel biex tibda tiġi indirizzata l-problema tat-traffiku.

Waħda mis-soluzzjonijiet tal-gvern fil-baġit, għal din il-problema hi li jagħti tax credit ta’ 150 ewro lill-ġenituri li jibgħatu t-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-knisja jew indipendenti, li titnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħhom.

L-Oppozizzjoni Nazzjonalista qed issostni li din is-soluzzjoni m’hiex biżejjed biex il-ġenituri jiddeċiedu jibgħatu lit-tfal tagħhom bit-trasport tal-iskola minflok iwassluhom huma.

Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Oppozizzjoni, Simon Busuttil, waqt li t-Tnejn, fil-Parlament kien qed iwieġeb għall-baġit ippropona li l-Gvern għand joffri servizz ta’ trasport għall-iskejjel b’xejn anke għall-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti.
Simon Busuttil spjega kif jekk il-Gvern joffri dan is-servizz b’xejn, il-ġenituri li kull filgħodu jwasslu lil uliedhom l-iskola, jibdew jikkunsidraw jibgħatu lit-tfal tagħhom l-iskola bit-trasport tal-iskola li jkun offrut mill-gvern.

B’hekk, kompla jgħid Simon Busuttil, tibda titaffa l-problema tat-traffiku f’pajjiżna, l-aktar filgħodu u fil-ħin li jispiċċaw l-iskejjel, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar. B’hekk il-maġġornaza tal-istudenti, partikolarment fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti, ma jkollhomx għalfejn jitwasslu individwalment minn xi ħadd mill-ġenituri bil-karozza privata.