Internazzjonali

Għadab għall-kummenti ta’ Erdogan kontra l-ugwaljanza

Il-President tat-Turkija, Tayyip Erdogan, qajjem mewġa ta’ għadab wara li sostna li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ‘tmur kontra n-natura’.

Erdogan qal dan waqt konvenzjoni li l-gruppi tan-nisa organizzaw fil-belt ta’ Istanbul, bħala parti minn kampanja biex jeliminaw id-diskriminazzjoni bejn is-sessi fil-forom kollha.

Intant, meta indirizza din il-konvenzjoni, Erdogan qal li ‘ma tistax taddotta l-kunċett tal-ugwaljanza fil-każ tan-nisa u l-irġiel għaliex dan hu kontra n-natura’. Hu spjega wkoll li ‘wieħed ma jistax jinsisti li mara tqila tkun suġġetta għall-istess kundizzjonijiet tax-xogħol bħal raġel’.

Il-kummenti xejn ma niżlu tajjeb mal-ħafna nisa preżenti, li kienu jinkludu attivisti għad-drittijiet tal-mara fuq livell globali minbarra numru ta’ akkademiċi, negozjanti u ġurnalisti. Preżenti għad-diskors, f’Istanbul, kien hemm anki waħda minn ulied il-President Erdogan.