Lokali

Il-Każ tal-Ministru Mallia – “Jien la rajt u lanqas awtorizzajt l-istqarrija tad-DOI” – il-Ministru Mallia

Minkejja li nħarġet f’isem il-Ministeru tiegħu, ftit biss wara li nhar l-Erbgħa x-xufier tiegħu spara fuq sewwieq barrani fil-Gżira, fil-Parlament il-Ministru Manwel Mallia illejla ddikjara li hu la kiteb u lanqas awtorizza l-istqarrija li ħarġet mid-DOI. Stqarrija li kienet qalet li Paul Sheehan spara biss tiri ta’ twissija, li imbagħad irriżulta li ma kienu tiri ta’ twissija xejn.

Fil-Parlament il-Ministru Manwel Mallia llum ħarab milli jwieġeb sensiela ta’ domandi li sarulu fil-ħin tal-mistoqsijiet mid-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech u mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, għaliex sostna li ma kienx jiftakar x’kien għadu kemm ġie mistoqsi.

Francis Zammit Dimech għamel diversi mistoqsijiet lill-Ministru Mallia wara li kien għadu kemm qal li hu fl-ebda mod ma ndaħal f’dak li kien qed isir wara l-isparatura mix-xufier tiegħu.
Manwel Mallia qal li fil-ħin li fih saret l-isparatura hu kien f’attività fid-Depot tal-Pulizija. Għal din l-attività, li għaliha kienet preżenti anke martu, kien hemm ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Ministru qal li f’mument minnhom daħlu xi nies li kellmu lill-Kummissarju tal-Pulizija. Hu ma setax ikun jaf x’qalulu peress li min kellmu kien fuq in-naħa l-oħra ta’ fejn kien hu.
Manwel Mallia qal li l-ewwel informazzjoni li ngħata kienet li xi ħadd spara fuq il-karrozza ministerjali tiegħu. Hu ħassu xxukkjat, iżda ma ħassx li xi ħaġa bħal dik kellu joqgħod jistqarrha quddiem il-mistiedna barranin li kien hemm għall-attività.

Il-Ministru sostna li l-Kummissarju qam minn fejn kien u qallu li kien se jmur jivverifika x’ġara. Aktar tard il-Kummissarju niżel fis-sala u reġa’ ħareġ ftit ħin wara. F’ebda ħin ma kien infurmat b’dak li seħħ fid-dettal.

Francis Zammit Dimech staqsa lill-Ministru meta sar jaf bid-dettalji tal-inċident. Staqsa min ta l-ordni biex tinħareġ l-istqarrija ppubblikata mid-Dipartiment tal-Informazzjoni f’isem il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Staqsa wkoll jekk il-Kummissarju nfurmahx li kienet ngħatat ordni biex il-vettura milquta mill-balal tax-xufier titneħħa mill-post fejn twaqqfet qabel il-wasla tal-Maġistrat.

Francis Zammit Dimech staqsa wkoll kif il-Ministru ma esprimiex id-dispjaċir tiegħu dwar dak li ġara fil-konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ l-għada, u minflok esprima dan is-sentiment fl-istqarrija maħruġa mill-Prim Ministru kważi 24 siegħa wara.

Għal din is-sensiela ta’ domandi, il-Ministru Mallia wieġeb li hu ma kienx se jiftakar din is-sensiela ta’ domandi għaliex hu mhux “seasoned politician” bħal Francis Zammit Dimech.
Sostna li meta l-għada filgħodu skopra li parti minn dik l-istqarrija kienet skorretta, sejjaħ konferenza stampa u kkoreġiha.

Manwel Mallia qal li hu mhux se jagħti x-xhieda tiegħu fil-Parlament għaliex hemm inkjesta li hu se jixhed quddiemha. Ċaħad li pprova jaħbi u sostna li l-Oppożizzjoni trid twarrbu minn Ministru u mill-Moviment Laburista. Qal li dan qed isir biex l-Oppożizzjoni tirbaħ punti politiċi u enfasizza li hu m’għandux x’jaqsam ma’ xi ħaġa li għamel ħaddieħor.