Ambjent Lokali

Il-MEPA tiddiferixxi t-talba għal estensjoni ta’ binja propjetà ta’ Helena Dalli u żewġha

Dalgħodu, l-Environment and Planning Commission fi ħdan il-MEPA ddiferixxa t-talba biex issir estensjoni ta’ binja eżistenti fi Triq id-Daħla San Tumas, li tagħmel ma’ Triq ir-Ramla fiż-Żejtun. Din il-binja hi tal-Ministru Helena Dalli u r-raġel tagħha Patrick. Fl-aħħar jiem, il-media kixfet kif il-Ministru Dalli qed tagħmel xogħol illegali fuq farmhouse tagħha li tinsab f’żona ODZ u li għandha Avviż ta’ Infurzar kontriha.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista appellat lill-Ministru Dalli biex terfa’ r-responsabbiltà politika. Dan hekk kif minkejja li hi l-Ministru tal-Opportunitajiet Indaqs, qed tgawdi aktar drittijiet minn ħaddieħor. Quddiem l-Environment and Planning Commission dehru l-Perit Brian Ebejer, li qed jirrapreżenta lill-Ministru Dalli, akkumpanjat mir-raġel tal-Ministru. Il-Perit Ebejer ippreżenta ritratti mill-ajru tal-farmhouse kif kienet fl-1994 u kif inhi llum, filwaqt li qal li kif kienet fl-1994, il-binja kienet akbar minn kif inhi llum.

Madankollu, il-Bord talab biex tiġi ppreżentata pjanta dettaljata li turi biċ-ċar x’kien hemm fiż-żona fl-1994. Imbagħad, din il-pjanta għandha tintbagħat lid-Direttorat tal-Ippjanar biex janalizza. Il-Bord qal ukoll li l-ambjent tal-madwar ma ġiex analizzat u għalhekk il-Perit intalab jagħmel deskrizzjoni ċara fil-pjanta tas-siġar li hemm madwar il-binja.

Fil-jiem li għaddew, il-Ministru Dalli qalet li ma tafx li kien qed isir xogħol fil-farmhouse tagħha, minkejja li l-gaffa fuq is-sit kienet tal-kumpanija tagħha PADA Builders. Min-naħa l-oħra, biex jiddefendi lil Dalli l-Prim ministru Joseph Muscat qal li l-gaffa kienet sempliċiment mitluqa fil-propjetà. Madankollu, il-filmati juru li kien qed isir xogħol.

Fil-jiem li għaddew, il-Ministru Helena Dalli saħqet li l-post jinsab fuq konvenju u jekk qed isir xi xogħol, qed isir mix-xerrej il-ġdid u mhux mir-raġel tagħha għax ma kienx mgħarraf bix-xogħolijiet. Madankollu, quddiem l-Environment and Planning Commission, jakkumpanja lill-Perit kien hemm propju Patrick Dalli, ir-raġel tal-Ministru.