Lokali Parlament

Il-Prim Ministru jiddefendi lill-Ministru Mallia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament iddefenda lill-Ministru Manwel Mallia li x-xufier tiegħu kien involut fi sparatura. Iġġustifika wkoll lid-deputati tal-Gvern li tahom ukoll karigi għolja fl-aġenziji tal-Gvern. Dan, filwaqt li qal li jifhem ukoll id-difetti tiegħu li qiegħed jara li jirranġa.

Meta wieġeb għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-Baġit, Muscat qal li bil-baġit il-Gvern miexi fid-direzzjoni t-tajba, filwaqt li ammetta li l-Gvern mhux perfett, u jagħmel l-iżbalji.

Qal li hawn l-ogħla rata ta’ nies jaħdmu u lanqas rata ta’ qgħad, u lanqas rata ta’ għoli tal-ħajja u deficiet taħt kontroll. Sejjaħ il-kritika tal-Oppożizzjoni bħala negattiva.

Qabbel l-ewwel 500 jum ta’ dan il-Gvern mal-aħħar 500 jum tal-Gvern ta’ qabel, u qal li nħolqu 15,000 popst tax-xogħol.
Għall-kritika li x-xogħol żdied għax żdiedu l-impjiegi mal-Gvern, Muscat qal li dan kien dovut għall-ħaddiema tat-trasport pubbliku li ddaħħlu mal-Gvern u oħrajn fil-qasam tas-saħħa u tal-edukazzjoni.

Semma wkoll il-miżuri li ħa l-Gvern f’dan il-baġit, u qal li dan hu riżultat ta’ roadmap mifruxa fuq ħames snin.
Dwar il-miżuri li ħa biex ma jkunx hemm abbużi fil-benefiċċji soċjali, Muscat qal li min jbbuża mhux se jsib il-kenn tal-Gvern.

Meta tkellem dwar is-saħħa, qal li l-mediċini out of stock niżlu u se jibda proġett pilota biex il-mediċini jibdew jaslu fid-djar tal-anzjani.

Dwar dak li ġara fl-isparatura li fiha kien involut xufier tal-Ministru Mallia, Muscat qal li hu diżgustat, u qal li jekk kien hemm min żgwida, irid ikun jaf b’dan, filwaqt li qal hu neċessarju li l-Ministru jkun b’eskorta armata.

Dwar l-Air Malta, Muscat qal li se joqgħod pass lura dwar il-proċess li għaddej, u meta jasal il-waqt, jitkellem u jiddibatti.

Dwar dawk li jaqalgħu anqas minn €7,000, il-Gvern qed jinsisti li dawn jirreġistraw għall-VAT u li joħorġu l-irċevuta.
B’riferenza għall-miżura li ddaħħlet fil-bejgħ tal-proprjetà, il-Prim Ministru qal li f’sena, il-kumpaniji tal-proprjetà se jkunu qed iħallsu aktar.

Sejjaħ lill-Oppożizzjoni li tinsab f’paniku meta titkellem fuq l-awtorità morali. Hu qal li ffranka l-flus bid-deputati li qed iservu wkoll bħala chairpersons ta’ diversi entitajiet tal-Gvern.

Tkellem ukoll dwar il-pjan tal-Gvern għall-enerġija. Ammetta li fil-wegħda għal power station ġdida waqa’ lura fiż-żmien, u li se jkun il-Ministru responsabbli li se jagħti t-timeline tal-proġett tal-power station. Hu qal li kien jirriżenja kieku ma kienx sab konsorzja li jidħol għall-proġett u għalhekk mhux se jirriżenja.

Dwar Għawdex, Muscat qal li l-Gvern irid ukoll li jkollu l-għażliet kollha u se jkompli bl-istudji dwar link permanenti bejn il-gżejjer.

Għall-proposta tal-Oppożizzjoni dwar trasport b’xejn lill-istudenti wkoll fl-iskejjel mhux tal-istat, Muscat qal li l-Oppożizzjoni mhix qed tgħix f’realtà. Hu qal s-servizz ġdid tat-trasport pubbliku, se tkun sfida u qal li hawn min qed jipprova jfixkel b’mandati fil-Qorti. B’rabta wkoll mat-traffikiu, il-Gvern se jkun qed jara wkoll jekk il-ħinijiet tal-iskejjel jibqgħux l-istess.