Tliet membri ta’ BirdLife, li kienu fotografati jżommu għasafar mejta biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar kaċċa llegali, bdew għaddejjin proċeduri l-Qorti quddiem il-Maġistrat Anthony Vella mixlijin b’pusses ta’ speċi protetti. Il-każ beda fuq insistenza tal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK), li mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom fis-seduta li jmiss f’Jannar li ġej.
Il-każ hu kontra Fiona Burrows, Nicholas Barbara u Caroline Rance, li qed iwieġbu mhux ħatja. Ir-raba’ membru, Rupert Masefield, ma kienx preżenti fl-Awla għax ma kienx notifikat minħabba li ħalla l-Malta. F’Lulju, il-Qorti ordnat li tittieħed azzjoni kriminali kontra l-erba’ membri tal-BirdLife wara li l-FKNK għamlet sfida lill-Kummissarju tal-Pulizija biex dawn jiġu investigati.
Il-każ seħħ f’Ottubru 2012, meta l-BirdLife ippubblikat ritratt lill-media li fih dehru membri tagħha b’diversi għasafar protetti mejta. Is-Supretendent Ramon Mercieca qal li fid-9 ta’ Ottubru 2012, kien irċieva email mingħand l-FKNK biex titlob lill-Pulizija tieħu azzjoni kontra l-membri tal-BirdLife li kienu ħarġu stqarija tlett ijiem qabel.
Ix-xhud qal li meta ra l-każ, hu kien stabilixxa li ma hemm l-ebda prova biex joħorġu l-akkużi. Dakinhar, hu rrefera għal każ li kien seħħ fl-24 ta’ Marzu 2000 meta membru tal-BirdLife kien ipproduċa għasfur protett mejjet waqt programm televiżiv biex juri każ ta’ kaċċa llegali. Qal li l-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien George Grech kien ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda intenzjoni kriminali u li l-għan prinċipali kien biex wieħed juri każ ta’ kaċċa llegali.
Ix-xhud kompla li kien għamel rapport dwar id-deċiżjoni u kien informa lill-FKNK. Madankollu l-Avukat tal-FKNK Kathleen Grima nsistiet mal-Pulizija, bl-FKNK spiċċat biex sfidat id-deċiżjoni.
Il-każ beda fuq nota meta l-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li l-erba’ persuni kienu se jiġu akkużati b’mod individwali. Madankollu, il-Qorti qalet li hi kienet infurmata li dawn kienu se jgħaddu proċuduri flimkien għalkemm dan kien se jikkawża problemi minħabba li Masefield ma kienx preżenti.
Għaldaqstant, il-Qorti semgħet il-każ kontra t-tliet akkużati b’mod separat minn dak ta’ Masefield, bl-Avukat Stephen Tonna Lowell jirrimarka b’mod sarkastiku li l-Pulizija setgħu jippruvaw joħorġu Mandat ta’ Arrest Ewropew fil-konfront ta’ Masefield minħabba li kien qed iżomm għasfur protett mejjet.
//= $special ?>
