Il-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista (FOIPN) illum fakkar il-Jum Internazzjonali biex tiġi eliminata l-Vjolenza Kontra l-Mara. Fi stqarrija, l-FOIPN fakkar kif b’reżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, dan il-jum iqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza kontra l-mara madwar id-dinja. L-għan tan-NU hu li f’kull ċirkostanza u f’kull kuntest, id-drittijiet tal-mara għandhom jiġu mħarsa u rispettati.
L-FOIPN elenka li l-vjolenza fuq il-mara tinkludi vjolenza fiżika, domestika, abbuż sesswali u abbuż psikoloġiku, filwaqt li n-nuqqas ugwali fil-poter hu wkoll forma diskriminatorja kontra l-mara u aktar minhekk, tista’ tnaqqas jew saħansitra telimina d-drittijiet fundamentali tal-bniedem għall-mara. Il-vjolenza kontra l-mara twassal għal xkiel fl-iżvilupp tagħha u għal faqar materjali u tbatijiet anke soċjali.
L-FOIPN fakkar ukoll li l-vjolenza fuq il-mara tista’ sseħħ f’kull stadju tal-ħajja: fuq tarbija, fuq tifla, fuq tfajla, fuq mara u fuq anzjana, li kollha jistgħu jkunu vittmi ta’ vjolenza. Fi sfond ta’ din ir-realtà, l-FOIPN qed jagħti leħen lill-vuċi siekta tal-mara li qed tbati minn xi forma ta’ vjolenza, filwaqt li jisħaq li minbarrra li għandha titkabbar il-kuxjenza pubblika dwar dan is-suġġett, jisħaq li l-awtoritajiet huma fl-obbligu li jilleġiżlaw kontra kull forma ta’ vjolenza fuq il-mara u li jipprovdu servizzi effiċjenti għall-vittmi tal-vjolenza.
L-istqarrija qalet li l-FOIPN għaddejja f’ħidma sfiqa biex jirrispondi għas-sejħa reali tal-vjolenza fuq il-mara f’pajjiżna, kif ukoll qed jaħdem biex ifassal il-qafas politiku rikjest biex tiġi eliminata kull forma ta’ vjolenza fuq il-mara.
//= $special ?>