Aġġornament: L-Erbgħa Skont l-Iskrivan tal-Kamra, l-iskorta tal-Prim Ministru Joseph Muscat imxiet mal-proċeduri l-ġodda ta’ sigurtà mitluba mill-iSpeaker Anġlu Farrugia. Dan wara r-rapport ippubblikat minn MaltaRightNow.com li l-iskorta tal-Prim Ministru ma mxietx ma’ dawn il-proċeduri.
L-iskrivan tal-Kamra qal li minn stħarriġ li għamel l-Uffiċċju, l-iskorta ta’ Muscat telgħu fil-bini tal-Parlament mid-daħla fejn hemm il-lift, bil-Prim Ministru tela’ waħdu t-taraġ prinċipali.
Ir-rapport ippubblikat it-Tlieta:
L-iskorta tal-Prim Ministru tinjora l-proċeduri ġodda ta’ sigurta’.
Filwaqt li lbieraħ daħlu fis-seħħ il-proċeduri ġodda ta’ sigurta’ fil-Bini tal-Parlament fuq struzzjonijiet tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, l-iskorta tal-Prim Ministru Joseph Muscat injorat għal kollox dawn il-proċeduri.
Dawn il-proċeduri daħlu fis-seħħ wara l-każ tal-ġimgħa li għaddiet sar magħruf li x-xufier tal-Ministru Manwel Mallia kien armat u spara tiri fid-direzzjoni ta’ vettura oħra.
Skont dawn il-proċeduri, il-Membri Parlamentari biss jistgħu jitilgħu mit-taraġ prinċipali filwaqt li impjegati u membri tal-pubbliku jgħaddu minn entratura sekondarja fejn issir tfittxija fuqhom għall-armi.
Iżda l-iskorta tal-Prim Ministru Joseph Muscat injorat għal kollox din il-proċedura u baqgħu telgħin fit-taraġ prinċipali ma’ Muscat. Għalxejn is-suldat li kien xogħol ipprova jiġbdilhom l-attenzjoni għall-istruzzjonijiet tal-Ispeaker u baqgħu għaddejjin.
Sadanittant, f’email li ntbagħtet liż-żewġ whips tal-Gruppi Parlamentari mill-Iskrivan tal-Kamra, ingħad li wara l-problemi li nqalgħu ilbieraħ, il-proċeduri ta’ sigurtà se jkunu estiżi ukoll fl-entratura principali qabel it-taraġ il-wiesgħa’.
//= $special ?>