Baġit 2015 Ekonomija Lokali

L-Oppożizzjoni bi proposti biex jitnaqqas it-traffiku fi tmiem il-ġurnata tal-iskola

Fid-Diskors tal-Baġit 2015 ippreżentat il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li l-Gvern se jkun qed iniedi l-konsultazzjoni permezz ta’ White Paper dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskejjel biex tibda tiġi indirizzata l-problema tat-traffiku. Waħda mis-soluzzjonijiet tal-Gvern fil-Baġit għal din il-problema hi li jagħti tax credit ta’ €150 lill-ġenituri li jibgħatu lit-tfal tagħhom fl-Iskejjel tal-Knisja jew Indipendenti u li titnaqqas mid-dħul taxxabbli tagħhom.

Iżda l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed issostni li din is-soluzzjoni mhix biżżejjed biex il-ġenituri jiddeċiedu jibgħatu lit-tfal tagħhom bit-trasport tal-iskola minflok iwassluhom huma. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, meta lbieraħ kien qed iwiegeb għall-Baġit, ippropona li l-Gvern għandu joffri servizz ta’ trasport għall-iskejjel b’xejn, fosthom dawk għall-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.

Simon Busuttil spjega kif jekk il-Gvern joffri dan is-servizz b’xejn, il-ġenituri li kull filgħodu jwasslu lil uliedhom l-Iskola, jibdew jikkunsidraw jibgħatu lit-tfal tagħhom bit-trasport tal-iskola offrut mill-Gvern. B’hekk, kompla jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, tibda tittaffa l-problema tat-traffiku f’pajjiżna, l-aktar filgħodu u fil-ħin li jispiċċaw l-iskejjel.

B’dan il-mod, il-maġġornaza tal-istudenti, partikolarment fl-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, ma jkollhomx għalfejn jitwasslu individwalment minn xi ħadd mill-ġenituri bil-karozza privata.