Lokali

Live mill-Qorti : Qal lil mara li huwa omosesswali wara 17-il sena ta’ żwieġ

Raġel miżżewweġ qagħad jistenna 17-il sena ta’ żwieġ sakemm qal lil martu li huwa omosesswali. Fil-Qorti ħareġ li r-raġel, li kien ilu jaf lil mara minn qabel fl-għerusija, ddeċieda li jgħidilha li hu omosesswali għax kien ikkonsulta ma’ psikologu.

Il-mara għamlet minn kollox biex tipprova ssalva ż-żwieġ, iżda kien kollu għalxejn għalhekk il-Qorti tal-familja ma kellha l-ebda għażla ħlief li tannulla ż-żwieġ.

Mill-provi rriżulta li l-koppja kienet iżżewġet fl-1982. F’ġurnata partikolari fl-1999, ir-raġal kien daħal id-dar fis-sakra u dak il-ħin qal lil martu li psikologu kien infurmah li huwa persuna omosesswali. Il-mara irreaġixxiet billi ppruvat iżżomm dan il-fatt mistur speċjalment mit-tifla tagħhom. Fil-fattt hija qalet fil-Qorti li ppruvat tibqa’ għaddejja bil-ħajja normali tagħha madankollu ma kienx aktar possibbli. Minkejja t-tentattivi tal-mara biex tipprova ssalva dan iż-żwieġ, ir-relazzjoni ta’ bejniethom, speċjalment fejn jidħlu relazzjonijiet intimi, bdiet tiddgħajjef.

Fil- ftit taż-żmien wara r-raġel telaq mid-dar u daħal f’relazzjoni ma’ raġel ieħor. Ir-raġel spiċċa wkoll biex telaq minn Malta u daħal f’relazzjoni ma’ diversi rġiel oħrajn. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Noel Cuschieri, qalet li minkejja li mill-provi jirriżulta li r-raġel kien konxju tat-tendenza omosesswali tiegħu, huwa xorta waħda żamm ir-relazzjoni ma’ martu u eventwalment żżewwiġha. Il-Qorti nnotat ukoll li sal-1999 ma kienx hemm problemi matrimonjali serji.

Il-Qorti kkunsidrat il-fatt ukoll, li għalkemm wassal biex eventwalment iż-żwieġ jiġi iddikjarat null, mhux neċessarjament iwassal għall-konklużjoni li r-raġel jaħti għas-separazzjoni. Iżda fl-istess waqt, il-Qorti qalet li kien il-komportament tar-raġel li wassal għat-tkissir taż-żwieġ, u dan minħabba l-ħbiberiji li kellu ma’ rġiel tal-istess orjentament sesswali tiegħu.

Il-Qorti qalet ukoll li dan l-aġir wassal biex l-għixien bejn il-partijiet saret insapportabbli. Wara li qieset dan kollu, il-Qorti qalet li r-raġel huwa responsabbli għat-tkissir taż-żwieġ, madankollu astjeniet milli tieħu deċiżjoni dwar is-separazzjoni peress li ż-żwieġ kien ġie annullat waqt li kienet għaddejja l-kawża.