Lokali Qorti

Mara taħfer lill-aggressur ġar tagħha u l-każ jaqa’

Każ ta’ attentat ta’ ferita gravi fuq mara spiċċa biex waqa’ wara li hi ħafret lil ġar tagħha Nor Mohammed Madahey ta’ 31 sena mis-Somalja, li kien qed jiġi mixli li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tad-9.00 p.m. f’Ħal-Safi ttanta li jikkaġunalha ferita gravi.

 

Roda Abdallah Obey, ħafret fil-Qorti lis-Somalu, li joqgħod fl-istess blokka ta’ appartament tagħha, bil-kundizzjoni li ma jkellimihex u li jħalliha bi kwieta. Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tad-9.30 p.m f’Ħal Safi meta r-raġel ħebb għaliha b’lasta ta’ xkupa u laqatha f’rasha u f’ida. Fil-fatt instab ukoll ftit tad-demm fit-taraġ. Hija allegat ukoll li r-raġel ħebb għaliha b’sikkina, liema sikkina qatt ma nstabet.

 
Quddiem il-Maġistrat Carol Peralta Nor Mohamed Madahey ta’ 31 sena mis-Somalja ġie li ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq Roda Abdallah Obey, li bil-ħsieb li jakkaġuna ferita ta’ natura gravi fuq Obey wera dan il-ħsieb b’atti esteri u ta bidu għall-eżekuzzjoni ta’ dan id-delitt li ma ġiex esegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volonta tiegħu u li għamel inġurji b’mod li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni.

 
Fil-Qorti l-Ispettur Kevin Pulis informa lill-Qorti li l-vittma marret l-għassa taż-Żurrieq u talbet li l-każ fil-konfront tal-akkużat ikun irrinunzjat. Minħabba f’hekk, l-Ispettur Pulis iddeċeida li jtella lix-xhud il-Qorti biex b’ġurament tgħid li qed tirrinunzja l-każ.

 
Min-naħa tagħha, il-vittma qalet li mhix interessata li l-imputat jgħaddi proċeduri fil-Qorti. Qalet li madankollu, trid assigurazzjoni li l-akkużat jobbliga ruħu li ma jkellemiex jew idejjaqha. Il-mara għamlet din id-dikjarazzjoni peress li l-imputat u l-vittma jgħixu fl-istess blokka ta’ appartament.

 
Mohamed Madahey kien qed jiġi mixli wkoll li nġurja u hedded lil Obey. Saret talba wkoll biex ikun ipprovdut sigurta’ għal mara, liema talba kienet milqugħa mill-Maġistrat Carol Peralta, li minn naħa tiegħu qal lir-raġel biex jirringrazzja l-Alla li l-mara ħafritlu u biex ma jersqax lejha, għaliex jekk jagħmel dan kien se jispiċċa l-ħabs. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kevin Pulis u Johan J. Fenech.