Qorti

Mhux sew li każijiet relatati m’abbużi sesswali jinstemgħu mill-istess Maġistrat.

L-Avukat Tonio Azzopardi li huwa l-konsulent legali tar-raġel li kien instab ħati li abbuża minn bintu, iżda nħeles mill-ħabs kważi 400 jum wara, hekk kif bintu ammettiet li gidbet fuqu hu tal-fehma li kawżi relatati ma’ abbużi sesswali m’għandhomx jinstemgħu minn Maġistrat wieħed.

L-Avukat Azzopardi qal dan quddiem l-Imħallef Joseph R. Micallef meta saru s-sottomissjonijiet finali dwar il-kawża kostituzzjonali li Emanuel Camilleri fetaħ kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ispettur Louise Calleja li investigat l-allegat abbuż tiegħu fuq bintu.

L-avukat qal li mhux sew li każijiet sesswali dejjem jinstemgħu quddiem l-istess ġudikant għax inkella dan jibda jistrieħ fuq deċiżjonijiet ta’ ħaddieħor. Kien f’dan il-ħin li l-Imħallef Micallef instema jgħid li l-ġustizzja mhux diffiċli tagħmilha imma diffiċli tiżżersqilha.

Meta kompla bit-trattazzjoni tiegħu, l-avukat Azzopardi semma li Leanne Camilleri – bint Emanuel – dejjem kienet attriċi tajba u kienet tibki meta kien ikun hemm il-bżonn. Huwa qal li quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ma tressqux il-provi kollha li kellhom jitressqu u minkejja dan il-Maġistrat Myriam Hayman xorta sabitu ħati.

L-Avukat Azzopardi rrimarka li minkejja li Leanne Camilleri ammettiet li kienet gidbet anke fuq programm televiżiv, l-Ispettur Calleja baqgħet temminha. Huwa qal li l-Istat fallieh u qatta 400 jum jibki fil-ħabs fejn kien iċempillu kuljum. Hawnhekk qal li Camilleri kien iċempillu kuljum u kien hu li serva ta’ “ossiġnu” għalih.

L-Avukat Azzopardi akkuża wkoll lill-Ispettur Calleja b’dik li sejjaħ “malicious prosecution” u qal li għamlet sew qabbdet żewġ avukati privati meta qabel kienu qed jiddefenduha l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Huwa sostna li meta jkun hemm sħaba fuq uffiċjal tal-Pulizija għandu jiddefendi ruħu b’avukati privat ħalli l-istess Avukat Ġenerali jkun distakkat.

Min-naħa tagħha, l-Avukat Victoria Buttigieg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li l-Qorti Kostituzzjonali għandha tistrieħ fuq il-provi li nġiebu fil-Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti tal-Appell Kriminali.

Hija nsistiet li fix-xiehda tagħha bint Camilleri dejjem kienet konsistenti u kemm il-Qorti tal-Maġistrat kif ukoll il-Qorti tal-Appell Kriminali raw dan. Minbarra hekk kien hemm diversi xhieda li ikkonfermaw l-konsistenza tat-tifla.

L-Avukat Buttigieg qalet li d-difiża ta’ Camilleri setgħet tellgħet kull prova li kellha u sostniet li l-Pulizija tellgħet kull prova li kienet taf biha. Għalhekk insistiet li min-naħa tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija x-xogħol sar kif suppost.

L-Avukat Arthur Azzopardi, li flimkien mal-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għall-Ispettur Calleja, sostna qal li t-talba li qed jagħmel l-avukat ta’ Camilleri bħal donnu qed jistieden lill-Qorti Kostituzzjonali tkun qorti tal-appell tat-tielet grad meta dan ma jistax isir.

Huwa sostna li l-avukat ta’ Camilleri qed jattakka lilha għax jaf li f’dan il-każ ma jistax jattakka lill-Qrati ta’ Malta u rrimarka li jekk kien hemm xi nuqqas min-naħa tal-klijenta tiegħu missha d-difiża ġabet prova ta’ dan.

L-Avukat Azzopardi nsista li l-Ispettur Calleja aġixxiet bħala uffiċjal tal-Pulizija billi investigat il-każ u ressqet lil Camilleri fil-Qorti tal-Maġistrati u warrab l-akkuża tal-“malicious prosecution” li saret mill-Avukat ta’ Camilleri bħala waħda bla bażi. Wara li sema t-trattazzjonijiet min-naħat kollha involuti, l-Imħallef Camilleri iddeċieda li jagħti s-sentenza fit-12 ta’ Frar li ġej.