Futbol Sport

Punt għal Southampton; Villa jibqgħu ma’ tal-aħħar

Aston Villa ħadu biss punt fi draw 1-1 kontra s-sorpriża tal-Premiership Southampton li b’hekk naqsu milli jersqu aktar viċin il-leaders Chelsea.

Aston Villa issa ilhom ma jirbħu sa mit-13 ta’ Settembru u din kienet il-100 logħba tal-manager tagħhom Paul Lambert fit-tmexxija.

Il-gowl importanti wasal fid-29 minuta meta l-gowlkiper tas-Saints Fraser Forster ħareġ minn postu biex itajjar il-ballun imma ma kienx veloċi biżżejjed u l-attakkant ta’ Villa Gabby Agbonlahor laħaq qablu u bil-kalma xeħet fix-xibka.

Disa’ minuti mit-tmiem iżda t-tim ta’ Ronald Koeman kiseb id-draw meta wara azzjoni ta’ Ryan Bertrand il-ballun wasal għand id-difensur Nathaniel Clyne li spara fir-rokna.

Draw fil-Marassi

Genoa u Palermo offrew logħba mill-aktar kumbattuta li ġustament intemmet 1-1. Palermo fetħu l-iskor kmieni minn Dybala li mar ukoll viċin it-tieni gowl qabel Genoa wettqu reazzjoni u kisbu d-draw minn xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Bertolacci li kien imxellef minn Antonelli.

Sat-tmiem Palermo laqtu il-lasta minn Vazquez u Pinilla falla ċans inkredibbli f’lasta vojta imma r-riżulta baqa’ ma nbidilx.